Il-Gvern jinsab f’kuntatt ma’ Walid Nabhan sabiex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni tiegħu u b’hekk ma jħallix il-pajjiż.
Ikkonfermat dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba.
Ftit tal-jiem ilu, il-kittieb Malti ta’ nisel Ġordaniż fuq il-mezzi soċjali ħabbar li kien qed jippjana li jħalli pajjiżna wara kważi 35 sena u jmur lura lejn il-Ġordan minħabba sitwazzjoni diffiċli personali li kien jinsab fiha.
Iżda Saliba spjegat li qiegħda f’kuntatt mal-awtur rinomat flimkien ma’ Albert Marshall mill-Kunsill Malti għall-Arti.
“Jiena diġà tkellimt ma’ Walid bit-telephone u anke Albert Marshall. Il-Ministru qed jagħtina l-appoġġ tal-Ministeru biex nippruvaw anke nsibu soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni u jiena fiduċjuża, li b’xi mod jew ieħor waħda mill-għażliet li se noffru lil Walid, Walid se jkun konvint u kuntent biha li permezz tagħha li permezz tagħha jkun jista’ jibqa’ jgħix hawn Malta.”
Fil-fatt, Saliba spjegat li dwar dan kollu se tkun qed issir laqgħa nhar it-Tlieta li ġej sabiex jiġu diskussi għajnuniet differenti li jista’ jingħata Nabhan.
Saliba spjegat ukoll x’immotiva lill-Gvern permezz tal-Ċentru għall-Ilsien Malti u l-Kunsill Malti għall-Arti sabiex jintervjeni b’dan l-appoġġ.
“Aħna x’jiddistingwina bħala Maltin? Prattikament jiddistingwina lsienna u Walid jagħti ħafna kontribut f’dan ir-rigward għaliex minbarra jikteb bil-Malti jagħmel traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji Maltin għall-Għarbi umbagħad jippubblikahom f’pajjiżi bħalma huma l-Eġittu, il-Libanu, etċ.”
Saliba sostniet ukoll il-fattur ta’ instabbiltà li bħalissa jikkaratterizza l-pajjiż li ġej minnu Walid Nabhan u allura l-inċentiv addizzjonali li l-awtoritajiet jintervjenu biex l-awtur jibqa’ f’pajjiżna.
“Aħna s’issa ara kemm ilna nospitaw lil Walid hawn Malta. Huwa stess iddikjara li huwa jħossu Malti iktar milli Palestinjan jew Ġordaniż, li huma l-oriġini tiegħu u għaldaqstant naħseb jiena hemmhekk għandna naraw kif ħa nikkonvinċu lil Walid fil-laqgħa li se jkollna t-Tlieta miegħu biex jibqa’ jgħix hawn Malta.”
Walid Nabhan kiseb prominenza fil-qasam letterarju ta’ pajjiżna permezz tan-novella L-Eżodu taċ-Ċikonji li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2013 u saħansitra l-Premju Ewropew għall-Letteratura fl-2017.