Nhar il-Ħadd li ġej, se jkun qed jintwera doku-series relatata mal-ġrajjiet ta’ Jum il-Ħelsien fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, hekk kif is-sala prinċipali tiegħu se tinbidel f’ċinema.
F’din id-doku-series se jintwerew siltiet minn żmien is-sittinijiet meta kien hemm ħtieġa ta’ riformi kbar f’kull livell tas-soċjetà fil-pajjiż, fl-istess żmien ukoll li kien hawn iċ-ċensura u l-ġlieda fl-aqwa tagħha bejn il-Knisja u l-Istat.
Ġrajjiet oħrajn li se jkunu qegħdin jintwerew f’din id-doku-series jinkludu dawk meta Deputat tal-Gvern Laburista kien avviċinat biex jinxtara b’ammont sostanzjali ta’ flus, rakkonti mal-iskultur innifsu tal-Monument tal-Ħelsien u minn xiex għadda meta kien imur jippreżenta d-disinji lill-Perit Dom Mintoff.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, fejn kompla jispjega dwar dak li wieħed għandu jistenna minn din l-attività.
“U allura nħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din il-matineè show fl-4.30 p.m. hawnhekk fil-Ħamrun biex isegwi dan id-dokumentarju interessanti ħafna, fejn se nuru wkoll, mhux biss ġrajjiet li ġieli rajna, imma wkoll ċertu stejjer dwar il-Perit Duminku Mintoff, stejjer li jagħtu bixra differenti anke dan l-episodju f’pajjiżna”
Leonid McKay, Kap Eżekuttiv, Partit Laburista
McKay kompla jgħidilna x’inhuma l-pjani għal attivitajiet oħrajn, bħala parti mill-programm, li tħabbar fl-aħħar jiem mill-Partit Laburista bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għal din is-sena għal din il-ġrajja storika.
“Proprju se jkun numru ta’ attivitajiet li jitilqu minn nhar il-Ġimgħa stess 21 ta’ Marzu, b’esebizzjoni ġewwa l-Imtarfa interpratation center, fejn hemmhekk ser nkunu qiegħdin naraw xogħolijiet oriġinali li ser jkunu qiegħdin jiġu esebiti ġewwa l-Imtarfa nnifsu, għalfejn l-Imtarfa? Għaliex nagħfu li hija lokalita li għal-ħafna u ħafna snin kienet esklussivament għal-użu ta’ persuni fis-servizzi Ingliżi, u kien biss wara l-Ħelsien innifsu li l-Malta seta jidħol anke fil-proġetti ta’ Housing Soċjali”.
Leonid McKay, Kap Eżekuttiv, Partit Laburista