Il-fergħa tan-nisa fil-Partit Soċjalista Ewropew immexxija mill-President Zita Gurmai qed ilaqqgħu l-eżekuttiv tagħhom hawn Malta għall-ewwel darba. Il-laqgħa saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u kienet indirizzata mill-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin, trawmet attitudni fejn aktar nisa jkunu fit-tmexxija.Għat-tieni darba, għandna President mara u anke f’entitajiet oħra hemm nisa fit-tmexxija. Fakkar fil-miżura tac-childcare u qal li dawk li kritikawha qalu li tiswa l-flus. Dan ma qatax qalb dan il-Gvern, u l-miżura sarrfet f’riżultati sinnifikanti.
Tkellem dwar ix-xewqa li tkompli tonqos l-istigma lejn is-single mothers u hawn fakkar fil-miżura tat-tapering tal-benefiċji. Dwar persuni LGBTIQ, qal li saru bidliet storiċi f’dawn l-aħħar tliet snin.Qal li dan seta jsir għax hawn tmexxija b’rieda li tbiddel u tati aktar drittijiet .