Il-proġett taċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran jew kif magħruf ukoll bħala l-Paola Hub se jibda jopera minn din is-sena.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, waqt li kien qed jagħti rendikont tal-ħidma f’dan il-qasam kruċjali waqt dibattitu mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali t-Tnejn filgħaxija.
Il-Ministru fakkar kif, wara li l-kuntrattur tal-proġett naqas milli jonora l-obbligi tiegħu, il-Gvern Malti waqqaf il-kuntratt. Madankollu l-Fondazzjon għas-Servizzi Mediċi kompliet taħdem mas-subcontractors tal-proġett biex dan jitlesta fix-xhur li ġejjin.
“In-nies ovvjament għandhom id-dritt li jkunu jafu x’qed jiġri f’dan is-sit u jien nista’ nserrħilhom rashom li, bi qbil li kellna mas-subcontractors li diġà ħadmu fil-Paola Hub, aħna dan il-proġett ħa nwassluh u ħa nwassluh din is-sena.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru nnota kif it-tliet ċentri tas-saħħa ewlenin madwar il-pajjiż, li huma miftuħin erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, jaraw l-istess ammont ta’ pazjenti daqs l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kull wieħed.
Filwaqt li sellem, b’mod partikolari, lill-istaff ta’ dan id-dipartiment, il-Ministru nnota kif, minkejja li għadna fix-xitwa, din is-sena ma kien hemm l-ebda pazjent li ġie kkurat fil-kurituri hekk kif is-swali kollha tal-Isptar Mater Dei laħħqu mad-domanda.
“Issa dan wieħed irid jikkumpara mas-snin meta Mater Dei kien għadu jiftaħ, meta l-kura fil-kurituri kienet xi ħaġa ta’ kuljum, u jien naf għax jien ġej minn dan is-settur.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Meta kien mistoqsi dwar l-investiment fil-qasam tas-saħħa, Abela tenna kif dan żdied b’mod drastiku fl-aħħar snin u dan jista’ jkun biss possibbli għat-tkabbir ekonomiku li kellu l-pajjiż, grazzi għall-politika għaqlija tal-Gvern Laburista.
“Mhux ta’ b’xejn li, allura, il-baġit għas-saħħa u l-anzjanità din is-sena laħaq rekord ta’ €1.5 biljun.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Hawn hu ta l-eżempju kif in-nefqa f’mediċini li jingħataw b’xejn, magħrufa bħala tal-POYC, telgħet minn tliet miljun ewro fl-2012 għal ħamsa u għoxrin miljun ewro bħalissa. Abela żied jgħid kif jemmen li x-xiri tal-mediċini għandu jsir b’sistema ta’ importazzjoni parallela.
Madankollu dan l-investiment qed ikun ikkumplimentat b’investimenti oħrajn innovattivi, bħal dawk fl-onkoloġija jew tax-xiri tal-mediċini għall-Malta Community Chest Fund Foundation.
Dwar il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat fis-settur, Abela nnota kif din sejra tajjeb, tant li, minn Novembru, saru mitejn operazzjoni tan-knee replacement li wassal biex titnaqqas b’mod sinifikanti l-lista ta’ stennija.
Dan apparti l-kollaborazzjoni fejn jidħlu d-djar tal-anzjani li wkoll qed tħalli l-frott tagħha.
Dwar id-dijabete, il-Ministru nnota l-estensjoni tal-miżuri wara li kull pazjent sa 18-il sena li jbati bid-dijabete tat-tip wieħed ingħata continuous glucose monitor.
“U din is-sena wegħdna li, sa 18-il sena, pazjenti bit-Type 1 diabetes ħa nfornuhom b’insulin pump, din nista’ nikkonfermahielek.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Dwar l-iżviluppi fil-proċess tal-arbitraġġ internazzjonali kontra Steward Healthcare, il-Ministru stqarr kif f’Mejju li ġej mistennija żviluppi importanti hekk kif il-Gvern Malti qed ikompli jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara, anke bis-sehem tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa.