F’dawn l-aħħar ġranet, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella ngħata żewġ premjijiet prestiġjużi permezz tal-għarfien għall-wirt storiku arkitettoniku 2016, mogħtija mill-għaqda Din l-Art Ħelwa.
Waqt ċerimonja preseduta mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Perit Martin Xuereb, li kien inkarigat mill-Ministeru għal Għawdex biex jagħmel id-disinn ġenerali tal-proġett taċ-Ċittadella, ingħata l-midalja tal-fidda għas-sena 2016, li tfisser l-aqwa għarfien fil-kategoriji kollha għal proġett kbir ta’ riġenerazzjoni, kif ukoll il-Prix d’honneur fil-Kategorija A, it-tnejn li huma għall-proġett ta’ restawr u għax-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni ta’ żewġ ġibjuni tal-ilma fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi fiċ-Ċittadella.
Aktar kmieni fl-2016, proprju ftit ġimgħat wara li ċ-ċentru fetaħ għall-ewwel darba għall-pubbliku, l-istess ċentru u l-Perit Martin Xuereb ingħataw ukoll żewġ unuri mill-Malta Architect Awards.
Dawn l-unuri, wieħed għar-riabilitazzjoni u għall-konservazzjoni ta’ post storiku, u l-ieħor għall-binja pubblika, jirrikonoxxu l-aqwa disinni arkitettoniċi f’Malta bil-għan li jispiraw u jinfluwenzaw lil stakeholders ewlenin tal-industrija fil-gżejjer Maltin, biex joħolqu strutturi li jsebbħu u mhux iħassru l-ambjent li jinsabu fih.
Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella jinsab f’żewġ ġibjuni qodma tal-ilma mibnija f’nofs is-seklu dsatax f’parti mill-foss taċ-Ċittadella. Ix-xogħlijiet fuq dan il-post saru permezz ta’ proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet. Mill-ġurnata tal-ftuħ sal-aħħar tas-sena 2016, dan iċ-ċentru żaruh 135,917 ruħ. Iċ-ċentru huwa miftuħ kuljum bejn id-9.30am u l-5.00pm.