Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità fil-Mosta laqa’ lura numru ta’ anzjani fi ħdanu wara li, fl-aħħar ġimgħat, sarulu xogħlijiet estensivi ta’ rinnovar.
Dan iċ-ċentru, li ilu jintuża għal dawn l-aħħar 20 sena, għadda minn tisbiħ li twettaq mill-ħaddiema li jagħtu s-servizz tal-handyman fid-dar.,
Fost ix-xogħlijiet li saru, il-binja ġiet aġġornata għall-bżonnijiet tal-ħajja tal-lum u b’aktar aċċessibilità għall-anzjani.
Dan saħqu l-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Dr Renzo de Gabriele, li ma’ ONE News qal li r-rinnovar laħħaq is-somma ta’ €56,000 u kif dan hu t-tieni xorta tat-tip tiegħu fl-aħħar ftit xhur.
Qal, “Għandna 30 ċentru u dan it-tieni wieħed fl-aħħar ftit xhur. Ftit xhur ilu rrinnovajna dak tal-Ħamrun u issa qegħdin nirrinnovaw dan tal-Mosta u qed immorru minn ċentru għall-ieħor.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, faħħar ix-xogħol li sar fi ħdan iċ-ċentru. Minkejja dan, tenna li kull rinnovar issa jridu jkunu l-anzjani li jagħtuh il-ħajja.
Dan iċ-ċentru hu wieħed minn 30 f’Malta fejn ilkoll jilqgħu mal-2,400 anzjan u anzjana.
Agius Galea sostna li l-iskop ta’ dawn iċ-ċentri hu li l-anzjani jiltaqgħu u jgħidu kelma ma’ xulxin, anke biex titnaqqas is-solitudni fosthom, waqt li jieħdu xi ħaġa tax-xorb u l-ikel u jgħaddu l-ħin.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li s-suċċess tax-xogħlijiet li qed isiru f’dan is-settur hu frott ta’ ħidma u investiment bil-għaqal minn Gvern Laburista favur il-komunitajiet tagħna.
Qal, “Dak hu l-għan tagħna u ovvjament sintendi fejn ħa jkollok bżonn anzjani li se jkollhom bżonn kura aktar fit-tul, ovvjament dejjem inkunu qegħdin naraw li nieħdu ħsieb li jkollna ċentri jew kumplessi bħalma għandna l-Isptar San Vinċenz li jkunu qegħdin joffru l-aqwa kura possibbli, u dan żgur ħadd ma jista’ jiċħdu, u fl-istess waqt ukoll qed nagħmlu rinnovar, jiġifieri hemmhekk qed isir rinnovar; il-ġimgħa l-oħra stess ħabbart investiment ta’ €1.6 miljun fuq żewġ swali f’St Frances Ward.”
ONE News ħa wkoll l-opportunità li jitkellem ma’ wħud mill-anzjani li kien qegħdin preżenti fiċ-ċentru. Ilkoll faħħru x-xogħol li sar u qalu li dan il-post hu ferm importanti f’ħajjithom.