Ħdejn il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, fetħet l-Ecohive Academy, ċentru edukattiv bil-għan li t-tfal jitgħallmu aktar dwar l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.
Ġurnalisti mill-kmarar tal-aħbarijiet differenti kellhom l-opportunità li jżuru dan il-post, waqt li jesperjenzaw dan il-post b’logħob differenti u interattiv.
Dwar dan tkellimna aktar mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca.
“Wasteserv hawnhekk li qed tagħmel edukazzjoni b’mod sabiħ ħafna, jiġifieri rajna l-medium li jużaw it-tfal: it-tablets, il-logħob interattiv, affarijiet moderni, affarijiet kollha kuluri, biex b’hekk it-tfal jiġu jitgħallmu fuq l-immaniġġjar tal-iskart u anke jieħdu pjaċir.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-Ambjent, Miriam Dalli, li spjegat li dan iċ-ċentru edukattiv jgħin fil-mira biex għaxra fil-mija biss tal-iskart jittieħed fil-miżbliet.
Dan anke fit-twettiq tal-bini tal-Ecohive, li permezz tiegħu l-iskart se jiġi mibdul f’enerġija rinovabbli.
“Nemmen li t-tfal huma l-ambaxxaturi tagħna biex iwasslu messaġġ li verament jista’ jagħmel differenza anke fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart u allura riedna li dan iċ-ċentru edukattiv inkunu qegħdin nagħtu l-opportunità lit-tfal jitgħallmu waqt li jkunu qed jilagħbu, għax jekk ikunu konvinti huma jistgħu jikkonvinċu lill-ġenituri u n-nanniet tagħhom.”
Dan iċ-ċentru fetaħ fl-aħħar ta’ April u s’issa żaru dan il-post aktar minn 600 persuna. Dan iċ-ċentru edukattiv ikun miftuħ bejn it-Tlieta u l-Ħadd bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Dan iċ-ċentru se jingħaqad mal-ispazju pubbliku ġdid li se jkun qed jinfetaħ minflok l-impjant ta’ Sant’Antnin, fejn ix-xahar li għadda Wasteserv ħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-iskavar u xogħol ieħor preparatorju.