L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nieda konsultazzjoni pubblika dwar iċ-ċensiment li jmiss li se jsir fl-10 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla.
Dan iċ-ċensiment għall-ewwel darba se jkun jista’ jimtela’ online, sabiex il-proċess twil u rigoruż li jwassal għal dan iċ-ċensiment ikun ambjentalment sostenibbli.
Iċ-ċensiment 2021 huwa t-18-il ċensiment sa mill-1842, u jieħu stampa tan-nies u d-djar kollha f’pajjiżna fiż-żmien li fih ikun qiegħed isir. Jiġbor ukoll informazzjoni soċjo-ekonomika importanti ħafna.
Għal dan il-għan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed jistieden lil dawk kollha interessati sabiex jikkontribwixxu temi u mistoqsijiet li jistgħu ikunu inklużi f’dan iċ-ċensiment.
Dawk interessati jistgħu jagħmlu kuntatt fuq l-imejl populationcensus.nso@gov.mt sal-Ħadd 31 ta’ Mejju.
L-ewwel riżultat minn dan iċ-ċensiment mistennija joħorġu fl-ewwel kwart tal-2022.