Bħalma jiġri kull sena, fl-2024 mietu diversi personalitajiet u ċelebritajiet minn diversi oqsma.
Il-kantanti u dawk li ġejjin mill-qasam mużikali kif ukoll dawk fl-industrija tal-films u ċ-ċinema għandhom influwenza kbira hekk kif kważi kull wieħed u waħda minnha jsegwi xi tip ta’ ġeneru mużikali u jħobb jara xi film tajjeb.
Kienu diversi li ħallewna matul din is-sena b’uħud minnhom meqjusin ikoni fil-ġeneri rispettivi tagħhom.
Fil-bidu ta’ Jannar, l-attriċi Glynis Johns, li ħadet sehem flimkien ma’ Julie Andrews fil-film klassiku tal-1964 ‘Mary Poppins’ fil-parti ta’ Winifred Banks, mietet fl-età ta’ mitt sena. https://www.youtube.com/watch?v=HwPqRuqW5rs
Ftit wara ħarġet l-aħbar li l-attur maħbub David Soul, magħruf l-aktar għall-parti tiegħu bħala d-ditektiv Kenneth ‘Hutch’ Hutchinson fis-serje televiżiva ‘Starsky & Hutch’, miet fl-età ta’ 80 sena. Dan minbarra li, fis-sebgħinijiet, iddomina wkoll il-klassifiċi mużikali, b’kanzunetti mill-isbaħ bħal ‘Don’t Give Up On Us’.
Mewt oħra f’Jannar kienet dik tal-attur Amerikan Bill Hayes li ħalliena fit-12 ta’ Jannar fl-età ta’ 98 sena. Apparti li kellu karriera ta’ suċċess bħala mużiċist, però jibqa’l-aktar magħruf għall-parti tiegħu fis-soap opera ‘Days of Our Lives’ fil-karattru ta’ Doug Williams sa mill-1970 u baqa’ jinterpreta l-istess rwol sa proprju din is-sena b’episodji saħansitra jibqgħu jixxandru sew wara mewtu bl-aħħar dehra tiegħu tkun proprju sitt xhur wara.
Ħames snin wara li kien ġie djanostikat bl-ALS, l-attur ta’ ‘Star Trek: Discovery’, Kenneth Mitchell, miet fl-età ta’ 49 sena nhar l-24 ta’ Frar.
Wara marda twila, l-attur Kanadiż Donald Sutherland miet nhar l-20 ta’ Ġunju fl-età ta’ 88 sena. Fl-2017 hu rċieva l-Oscar onorarju għall-kontribut tiegħu fil-qasam ċinematografiku b’partijiet fi kważi 200 xow jew film differenti, fejn forsi l-aktar ċelebri kienu ‘Hunger Games’, ‘M*A*S*H’ u ‘The Dirty Dozen’.
Wara kumplikazzjonijiet bil-marda tad-dijabete, fil-11 ta’ Lulju tħabbret il-mewt tal-attriċi Shelley Duvall fl-età ta’ 75 sena. Innominata darbtejn għall-Emmy Award, hi tibqa’ mfakkra għall-interpretazzjoni tagħha fi rwol ta’ Wendy Torrance fil-film ‘The Shining’, parti kkunsidrata li kienet diffiċli ferm minħabba l-profondità psikoloġika tal-karattru.
L-attriċi Shannen Doherty tilfet ħajjitha fl-età ta’ 53 sena nhar it-13 ta’ Lulju wara battalja ta’ disa’ snin kontra l-kanċer tas-sider. Hi kienet magħrufa ma’ kulħadd bħala Brenda Walsh fis-serje tad-disgħinijiet ‘Beverly Hills 90210’ kif ukoll f’waħda mill-partijiet prinċipali tas-serje ‘Charmed’.
Il-leġġendarja Gena Rowlands, li kellha l-parti tal-anzjana bil-marda tal-Alzheimer, Allie Hamilton, fil-film ‘The Notebook’, inċidentalment mietet bl-istess marda fid-dar tagħha f’Indien Wells fl-14 t’Awwissu.
Nhar id-9 ta’ Settembru tħabbret il-mewt ta’ James Earl Jones fl-età ta’ 93 sena. Dan l-attur kien maħbub minn ġenerazzjonijiet hekk kif il-vuċi tiegħu animat il-karattri ta’ Darth Vader fi ‘Star Wars’ u Mufasa ta’ ‘Lion King’. Hu kien irċieva Academy Award onorarju, żewġ Emmys, tliet Tony Awards, inkluż Lifetime Achievement Award, u Grammy Award, li għamluh wieħed mill-ftit li rnexxielu jirbaħ l-erba’ unuri.
L-attriċi Brittanika Dame Maggie Smith ħallietna fl-età ta’ 89 sena nhar is-27 ta’ Settembru. Waħda mill-aktar attriċi ċċelebrati fl-era tagħha, ħalliet warajha legat rimarkabbli ta’ aktar minn sittin sena fil-qasam tal-films, televiżjoni u teatru. Hi kienet ukoll rebbieħa ta’ Oscar għar-rwol tagħha fil-film ‘The Prime of Miss Jean Brodie’.
Dak li, għal 38 sena kellu l-parti ta’ John Black fis-soap opera ‘Days of Our Lives’, Drake Hogestyn miet ġurnata qabel għalaq il-71 sena fit-28 ta’ Settembru, kawża tal-kanċer.
Il-prolifiku tal-mużika country u attur ta’ Hollywood, Kris Kristofferson, miet nhar id-29 ta’ Settembu fl-età ta’ 88 sena fid-dar tiegħu fil-Hawaii. Hu ħalla marka fuq il-kultura Amerikana hekk kif fl-aħħar tas-sittinijiet kellu suċċessi klassiċi mużikali bħal ‘Sunday Mornin’ Comin’ Down’, ‘Help Me Make it Through the Night’ u l-ikonika ‘Me and Bobby McGee’.
Jekk forsi dan ma kienx biżżejjed hu ħa sehem ukoll f’films ta’ suċċess, bħal dak ta’ Martin Scorsese ‘Alice Doesn’t Live Here Anymore’, u, flimkien ma’ Barbra Streisand, ‘A Star Is Born’. Il-versatilità tiegħu kienet tant li kien jirnexxielu jinterpreta rwoli li jvarjaw minn films Western għal dawk ta’ super eroj bħal fil-film ‘Blade’.
Nhar l-1 t’Ottubru, John Amos, l-attur maħbub ta’ ‘Good Times’, ‘Roots’ u ‘Coming to America’, miet kawża ta’ attakk tal-qalb fi sptar f’California.
U nhar is-16 t’Ottubru, il-midja madwar id-dinja rrapportat bi prominenza l-mewt tal-kantant Liam Payne li ta’ 31 sena waqa’ minn gallarija fit-tielet sular ta’ lukanda fi Buenos Aires, l-Arġentina.
Wara investigazzjoni intensiva, ħabib ta’ Payne, impjegat tal-lukanda u persuna li allegatament tinnegozja fid-drogi ġew akkużati bl-abbandun ta’ persuna li rriżultat f’mewt.
Payne kien sar famuż madwar id-dinja kollha bħala membru tal-grupp One Direction, li kien ġie fformat minn Simon Cowell waqt l-edizzjoni ta’ X Factor fl-2010.
L-attur magħruf għar-rwol tiegħu bħala Tarzan fis-serje televiżiva bl-istess isem, Ron Ely, miet nhar it-22 t’Ottubru fl-età ta’ 86 sena.
Jumejn qabel l-attur ta’ ‘Baywatch’, Michael Newman miet bil-marda tal-Parkinsons ta’ 67 sena.
Nhar it-3 ta’ Novembru l-leġġendarju Quincy Jones miet fl-età ta’ 91 sena f’Bel Air, Los Angeles. Dan il-producer tal-mużika influwenza l-industrija matul għexieren ta’ snin f’diversi ġeneri, bl-aktar xogħol li jibqa’ mfakkar għalih hu dak fuq l-albums storiċi ta’ Michael Jackson ‘Off The Wall’, ‘Thriller’ u ‘Bad’. Hu wkoll rebaħ 28 Grammy Award, Primetime Emmy Award u Tony Award.
Fid-29 ta’ Novembru fl-età ta’ 77 sena tħabbret il-mewt tal-attur magħruf fis-serje ‘Days of Our Lives’ u ‘Dynasty’, Wayne Northrop.
Għalkemm din il-lista hi pjuttost estensiva, fil-verità, kien hemm ferm aktar minn dawk li ħallewna fl-2024 u elenkajna biss dawk li kienu jgawdu mill-akbar popolarit