Żewġ investigaturi paranormali jinvestigaw uħud mill-iktar stejjer popolari lokali marbutin mas-soprannatural. Fosthom l-ispirtu t’Alla u Ommu, il-Grey Lady u s-Sinjura tal-Verdala, magħrufa wkoll bħala l-Blue Lady. L-investigaturi paranormali huma wkoll koppja miżżewġa li binthom kienet mietet f’inċident, waqt li huma jagħmlu dan ix-xogħol għal programm televiżiv.
Din hi l-premessa tad-drama l-ġdida bl-isem ta’ Iċ-Ċavetta ta’ Pandora, li se tibda tixxandar mill-iskeda l-ġdida tal-ħarifa fuq ONE. Il-produzzjoni hi ta’ Pro.Motion Limited, filwaqt li dan il-proġett hu mgħejun mill-Kunsill Malti għall-Arti.
L-atturi prinċipali huma Clayton Pace u Claire Marie Busuttil, filwaqt li nsibu ukoll lil Henry Zammit Cordina, Ruth Frendo u Holly Micallef.
L-ideja tas-serje twieldet għax snin ilu konna nipproduċu programm marbut mas-soprannatural jismu Pandora, li kien suċċess kbir. Minkejja li issa ilna madwar 12-il sena li waqqafnih, it-telespettaturi xorta baqgħu jitolbuhulna. Dan juri kemm il-Maltin huma interessati f’dan is-suġġett.
CHARLO C.BONNICI – PRODUTTUR
Iċ-Ċavetta ta’ Pandora se jibda jixxandar mit-30 ta’ Settembru kull nhar ta’ Ġimgħa fid-21:00 fuq ONE.