Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva biex tistabbilixxi ċarġer uniku għall-ismartphones, it-tablets, u apparat ieħor fi żmien sentejn. Il-proposta tirrikjedi li l-manifatturi kollha jarmonizzaw il-punti tal-iċċarġjar fuq l-apparati – bl-użu ta’ punt ta’ ċċarġjar USB-C – u li jagħmlu l-protokoll tas-softwer tagħhom għall-iċċarġjar rapidu interoperabbli bejn id-ditti u l-apparat.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Jannar 2020, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi ċ-ċarġer komuni permezz tad-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju sa Lulju 2020. Ftit wara t-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, li hu negozjatur ewlieni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament u rapporteur permanenti dwar id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, qal li l-proposta ilha mistennija iżda dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba.
Dr Agius Saliba laqa’ din il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa stqarr li għal aktar minn għaxar snin, il-Parlament Ewropew ilu jappella għal rekwiżiti għal Ċarger Universali Ewropew. S’issa, it-tranżizzjoni għal ċarġer komuni tħalliet għall-avvjament u l-awtoregolamentazzjoni ta’ kumpaniji privati u ġganti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti. L-Ewroparlamentari Agius Saliba sostna li dan mhuwiex aċċettabbli.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba spjega li l-fatt li jkun hemm rekwiżiti legali għal ċarġer komuni huwa pass importanti kontra l-iskart elettroniku u l-inkonvenjenza tal-konsumatur, ikkawżat mill-prevalenza ta’ ċarġers differenti u inkompatibbli għall-apparat elettroniku. Huwa qal li dan se jkompli jgħin fl-użu mill-ġdid ta’ tagħmir elettroniku antik, jiffranka l-flus, u jnaqqas l-ispejjeż bla bżonn għall-konsumatur u l-ambjent.
Huwa tenna li l-proposta l-ġdida għandha tkun ikkumplimentata b’regoli dwar l-armonizzazzjoni tal-provvista esterna tal-elettriku bir-reviżjoni tar-regoli tal-ekodisinn li għandhom jiġu ppubblikati aktar tard din is-sena. Sostna li għandu jkun ikkunsidrat ukoll kull tip ta’ apparat elettroniku u sistemi ta’ ċċarġjar wireless fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, peress li ħafna smartphones issa jużaw sistemi bħal dawn. Dan filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi żviluppata fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi futuri; inkella, nistgħu nirriskjaw li ma nibqgħux jintużaw fi ftit snin.
L-Ewroparlamentari Agius Saliba temm jgħid li issa jeħtieġ li l-proposta tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Filwaqt li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 24 xahar mid-data tal-adozzjoni sabiex l-industrija jkollha biżżejjed żmien biex tadatta qabel dan iċ-ċarġer jidħol fis-seħħ.