Fl-aħħar xhur, mingħajr wisq daqq ta’ trombi, l-Awtorità tal-Ippjanar irnexxielha għall-ewwel darba twassal biexiċ-Ċaqnu jdur dawra mal-illegalitajiet ta’ Montekristo u jibda jneħħihom waħda waħda.
Il-gazzetta KullĦadd tirrapporta li dan ix-xogħol ilu għaddej xhur u qed isir taħt moniteraġġ intensiv, biex ikun aċċertat li t-tneħħija tal-illegalitajiet qed
isseħħ filwaqt li ma jiżdidux illegalitajiet ġodda.
Fost l-aktar illegalitajiet ċari li qed jitneħħew u li huma fid-deher hemm żoni kbar bħal fejn kien hemm scrapyard illegali u ż-żoo minn fejn tneħħa it-torri replika tat-torri ta’ De Redin.
Filwaqt li jonqos illegalitajiet li għad iridu jitneħħew u jitwaqqgħu, huwa taħt din l-amministrazzjoni li għall-ewwel darba Polidano Group qed jittrażżan b’mod serju milli jibqa’ jibni llegalitajiet ġodda u saħansitra jneħħi llegalitajiet li tħallew jikbru f’amministrazzjonijiet tal-passat.
F’investigazzjoni fuq numru ta’ ġranet, il-gazzetta KullĦadd sabet li numru ta’ llegalitajiet li kienu qed isiru f’wiċċ kulħadd issa bdew jitneħħew.
Itir it-torri replika tat-Torri ta’ De Redin
Waħda mill-aktar binjiet ikoniċi fil-kumpless Montekristo hija torri, magħruf bħala replika tat-Torri ta’ De Redin. Dan it- torri nbena mingħajr permess u kien ilu ammont ta’ snin mibni.
Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta, din il-binja kienet għal qalb Polidano. Madankollu, li-binja kienet illegali. L-Awtorita’ tal- Ippjanar kellha diversi modi kif tieħu azzjoni. Madankollu , il-binja tant kienet kbira li f’Malta ma jidhirx li hawn min għandu makkinarju kbir biżżejjed biex iwaqqa’ torri skont l-istandards xierqa.
Kien hemm diversi modi kif wieħed jiehu azzjoni, inkluż li jintużaw inġenji li jwaqqgħu t-torri b’daqqiet ta’ bajla. Madankollu, dan kien ikun perikoluż meta wieħed iqis ukoll il-mod kif kienet mibnija l-istess binja. Kien għalhekk li l-azzjoni tal-Awtorita’ wasslet biex Polidano jibda’ jwaqqa’ t-torri. Sal-lum twaqqa’ iktar min-nofsu u s-sezzjoni tal-infurzar qed tagħmel spezzjonijiet assidwi.
Scrapyard f’Ħal Farruġ
Din kienet biċċa art kbira li għal għexieren ta’ snin kienet użata bħala scrapyard minn Polidano. Fiha kien jintefa’ kull tip ta’ skart, minn inġenji kbar tal- istess kuntrattur bħal gafef, trakkijiet u krejnijiet, għal diversi materjal li jikkonsisti f’tyres, injam u pjanċi kbar.
Dawn il materjali akkumulaw matul is-snin u għalkemm fil-passat inħarġu avviżi ta’ infurzar kif ukoll ġiet issiġillata
l-entratura tal-istess Scrapyard is-sitwazzjoni fuq il-post baqgħet dik li kienet. Iżda, kif ġara f’postijiet oħra, taħt moniteraġġ kontinwu jirriżulta li l-istess Polidano neħħa tunnellati kbar ta’ materjal
minn din iż-żona, naddaf is-sit, intefgħet il-ħamrija u anke qed jitħawlu siġar.
Iż-żoo magħluq u mgħasses
Iż-żoo ta’ Montekristo huwa
magħruf inċidenti li seħħew fl-aħħar sentejn fejn żewġt itfal ġew attakkati minn annimali eżotiċi. Madankollu, filwaqt li l-annimali setgħu daħlu f’Malta b’mod regolari, il- gaġeġ u l-istrutturi madwar il- Park tal-Annimali ma kinux ta’ standard għoli.
Illum l-entratura għaż-żoo kif ukoll diversi entraturi sekondarji jinstabu ssiġillati u anke b’għassa stretta fejn ġew installati kameras ta’ sorveljanza mqabbdin ma’ uffiċini tal-Awtorita’, li jassiguraw li ma jsir ebda dħul ta’ nies fiż-żoo.
Jitneħħew stalel bla permess
Dawn l-istalel kienu qed jiġu mibnija bi standards għoljin ħafna u intenzjonati sabiex jintużaw bħala żona fejn jinħalbu annimali li jipproduċu l-ħalib u wara jiġi pproċessat fi prodotti. Kienu nbnew mingħajr ebda permess, u wara li kien inħareġ avviż ta’ nfurzar, dan l-aħħar, dawn l-istrutturi tneħħew miċ-Ċaqnu.
Fl-istess ħin, fuq biċċa art li oriġinarjament kienet għal skopijiet agrikoli, kienet tneħħiet il-ħamrija kollha, sar xogħol ta’ kostruzzjoni u tneħħew ħitan tas-sejjieħ. Dan l-aħħar din iż-żona treġġgħet lura għall-istat oriġinali fejn inbnew il-ħitan tas-sejjieħ u reġgħet tqiegħdet ħafna ħamrija.
Infurzar xieraq
L-infurzar bla preċedent li sar fuq is-sit ta’ Montekristo wassal biex għall-ewwel darba ikun hemm infurzar xieraq fuq żviluppatur li sa ftit snin ilu kien magħruf li jibqa’ għaddej b’gaffa minn fuq kulħadd. Il- mod kif dan qed isir, mingħajr storbju imma b’riżultati konkreti, qed iwassal biex juri kif l-infurzar jista’ jkun effettiv u xieraq fuq min hu b’saħħtu.