Qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-programm Lead, maħsub biex iktar persuni ta’ sess femminili jidħlu fid-dinja politika. Il-vantaġġ tal-programm hu li dawk magħżula biex jieħdu sehem se jsibu ruħhom fid-dinja politika bi tħejjija li sal-lum ftit kellhom ix-xorti li jesperjenzawha. Dawk li fl-aħħar ġimgħat diġà wrew interess ukoll iridu japplikaw formalment sa għada billi jidħlu fis-sit elettroniku lead.org.mt.
Il-membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli, li qed tikkordina l-proġett qalet li kienu diversi dawk li staqsew dwar din l-inizjattiva. “Kien hemm min staqsa jekk din hix għal tfajliet żgħar biss. Mhux il-każ. Aħna qed insejħu lil dawk in-nisa kollha li għandhom kontribut x’joffru biex jersqu ’l quddiem. Irrelevanti mill-età,” qalet Dalli li saħqet ukoll fuq kemm hi sabiħa l-opportunità tal-mentoring. Pass li permezz tiegħu dawk li jieħdu sehem jgħixu mill-qrib esperjenza ma’ politiċi li rnexxew.
“Il-parteċipanti u l-mentors se jitqabblu flimkien b’sistema li se titħaddem apposta għal dan il-programm biex nassiguraw li kull persuna tieħu l-massimu. Minbarra l-mentoring individwali ta’ kull parteċipanta, kull persuna se jkollha l-opportunità li tagħmel ġimgħa mentoring mal-Prim Ministru Joseph Muscat,” spjegat Dalli li ħeġġet lil dawk interessati japplikaw sa għada.