Ibża’ minn raġel li jsawtek u jaħqrek, u mhux li tfittex l-għajnuna.
Dan kien l-appell imqanqal ta’ mara li għaddiet minn vjaġġ twil ta’ vjolenza domestika, iżda li fl-aħħar sabet il-kuraġġ biex tfittex l-għajnuna, u tixtieq twassal messaġġ lil nisa oħrajn li għaddejjin mill-istess pjaga.
Mal-mara, u omm ta’ żewġt itfal, iltqajna fix-xelter Għabex, immexxi mill-Aġenzija Appoġġ, taħt il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, fejn il-mara qed tingħata l-għajnuna fil-frattemp biex tkompli b’ħajjitha; hi u ż-żewġ uliedha.
Hija spjegat kif lil missier it-tfal, iżżewġitu l-Iżvezja, u meta ġew jgħixu Malta, il-ħajja bdiet iddur kontrihom, speċjalment meta hi kienet taħdem, u hu tilef l-impjieg.
Qalet, “Daqqa jweġġagħni bi lsienu, daqqa jaqbad il-kċina u jkisser kullimkien, ftit żmien ieħor beda jtawwal idu per eżempju jsawwatni. L-ewwel darba li kien sawwatni, kien waqqagħni żewġ sulari, diġà kont xtrajt l-ewwel tifla u kont tqila bit-tieni tifel.”
Il-mara spjegat kif issaportiet is-swat biex ma tkissirx familja, u biex uliedha jikbru ma’ missierhom. Dejjem bit-tama li xi darba, jinbidel.
Qalet, “Raġel li jibda jagħmel dawn l-affarijiet, m’għandekx għalfejn tagħti ċans, u jien dan l-iżball li għamilt. Li tajtu ħafna ċans u tlift ħafna żmien kważi seba’ snin għalxejn, kont bla karti, kont bla flus, l-iżball li għamilt ngħid kieku issa, kieku tlaqt fl-ewwel żmien, vera ħa nbati bit-tfal, ħa jkolli ħafna x’nagħmel però kieku bħalissa kont qiegħda stabbli.”
F’episodju minnhom tirrakkonta kif għamel aktar minn sagħtejn isawwatha, saħansitra poġġa sikkina m’għonqha, u rathom it-tifla minn wara l-bieb tal-kamra.
Kien f’dak il-mument, meta rat ix-xokk fuq wiċċ bintha, li ħadet id-deċiżjoni li tfittex l-għajnuna, u llum qed tingħata s-sapport li għandha bżonn fix-xelter Għabex, tal-FSWS.
Minbarra saqaf fuq rasha, tgħid li dejjem kellha l-ikel għaliha u għal uliedha, ħwejjeġ, u l-assistenza psikoloġika li tant kellha bżonn.
Qalet, “Hawn ħafna jieħdu ħsiebek jiġifieri qisek għandek, jien għalija qisni għandi familja, ma nħossnix qiegħda ġewwa home.”
Meta tlabniha tgħaddi appell lil persuni oħrajn li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili, l-omm qaltilna li meta jkun hemm vjolenza – fid-diversi forom tagħha – m’għandux jingħata t-tieni ċans, għaliex il-ħajja qasira, u kulħadd, speċjalment it-tfal, ħaqqu ħajja mingħajr il-biża’ li tintuża l-vjolenza fuqu.
Qalet, “M’għandekx għalfejn tibża’. Il-biża’ tgħixha ġewwa d-dar, dik hi l-biża’, għax bniedem li jsawtek u jaħqrek, dal-bniedem ma tistax tafdah iżjed għax kemm-il darba kont inkun rieqda, u kif nisimgħu jiftaħ il-bieb biċ-ċavetta, jien moħħi jibda jaħseb ‘ara x’inhu ġej’, ‘ara x’ħa jinqala’, kien barra ma nafx x’kien qed jagħmel barra u x’inhu jieħdu u x’jixrob, jiġifieri dik il-vera biża’, għax meta tgħix maħqura, m’għandekx għalfejn tibża’.”