Il-Pulizija għaddejja b’investigazzjonijiet dwar rapporti ta’ persuni li qed iwaqqfu n-nies fil-pubbliku, anke f’postijiet remoti, u jitolbu l-flus.
Dan bi skuża li ma kellhomx flus fuqhom u kellhom bżonn il-karozza tinġibed.
Fil-fatt f’filmat li ċċirkola dan l-aħħar, koppja bdiet titlob il-flus u mbagħad ammettiet li qarrqet.
L-Ispettur Godwin Scerri mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra, mingħajr ma kkummenta dwar dan il-każ partikolari spjega li f’ċertu sitwazzjonijiet hemm mezzi kif wieħed jidentifika l-ġenwinità tal-persuna.
Huwa stqarr: “Persuni li jkunu qed jitolbu karità għal xi entità jkollhom indentifikazzjoni li turi kif l-entità qed tawtorizza lill-persuna biex tagħmel talbiet f’isimha u tiġbor fondi. Jista’ jkollok ukoll sitwazzjoni fejn persuna qed titlob l-għajnuna minħabba s-sitwazzjoni tagħha.”
Staqsejna wkoll kemm huma komuni sitwazzjonijiet hekk.
L-Ispettur Scerri qalilna, “Wieħed irid joqgħod attent illum għax sfortunatment sibna li persuni qed jivvintaw ċirkostanzi partikolari. L-għajnuna hija tajba, imma min ikun se jagħti jew joħroġ flus mill-but, għandu jieħu pass lura u joqgħod attent li ma jinħolqux reati aktar milli maħsub.”
Fid-dawl anke tal-istess filmat li ċċirkola fl-aħħar jiem, l-Ispettur Scerri kkonferma li bħalissa hemm xi investigazzjonijiet għaddejjin.
Huwa sostna: “Bħalissa l-Pulizija qed tinvestiga xi rapporti dwar dan. Nista’ nikkonferma li kien hawn ċirkostanzi fejn intalbet għajnuna fit-triq u postijiet remoti, u din l-għajnuna ingħatat, però jidher li min talab l-għajnuna kien qed jaħdem scam.”
Il-Pulizija qed tagħti dan il-parir lil min jinzerta persuna titlob għall-flus fit-triq: “Jekk int jidhirlek li tista’ tkun f’sitwazzjoni ta’ periklu, tiqafx, u ibqa’ sejjer. Il-karità għandha tkompli u tkun dejjiema, imma wieħed irid joqgħod attent għall-benessere tiegħu.”