Kerha tara lil ibnek jinħall bil-mod il-mod. Hekk lissnet Carmen, omm Bjorn Formosa, iż-żagħżugħ li seraq il-qlub ta’ ħafna għall-kuraġġ li qed juri biex jikkumbatti l-Amyotrophic Lateral Sclerosis, magħrufa bħala ALS.
L-omm, b’qalb maqsuma, qalet li l-marda dieħla fil-fond u qed taffettwa s-sistema taċ-ċelloli fin-nervituri tal-moħħ u x-xewka tad-dar. L-ALS ma tħallix lin-newroni jibagħtu messaġġi lill-muskoli, sakemm dawn jaslu biex imutu u jwasslu għal stat ta’ paraliżi.
Kull jum, għal din l-omm huwa sfida għax sakemm tersaq lejh tittama f’Alla li ma jkunx tilef iżjed abbilitajiet.
Carmen tgħidilna li qiegħda hemm għalih u li huwa ta’ sodisfazzjon għaliha li qed tipprova tagħtih dak kollu li ma jistax jagħmel hu.
https://youtu.be/a5xSvPwiO6Y
Tammira lil binha għaliex minkejja li mhemmx tama li jfieq minn din il-marda, qiegħed jagħmel minn kollox biex iqajjem kuxjenza u jinġabru fondi bil-għan li jkun hawn kura għal dawk li għandhom l-ALS.
https://youtu.be/mMEsDh9duKc
Il-marda li għandu Bjorn hija rari u taffettwa persuna t’inqas minn tletin sena minn kull miljun ruħ. F’pajjiżna hawn madwar 15-il pazjent b’din il-marda.