Il-Ħadd filgħodu kien hemm atmofera ta’ festa fl-irħajjel tal-Kunċizzjoni, fil-limiti tar-Rabat, hekk kif sar it-tberik tal-annimali jumejn qabel il-festa ta’ San Franġisk.
Għal dan it-tberik kien hemm varjetà sħiħa ta’ annimali: minn bhejjem bħal żwiemel għal annimali domestiċi ċkejknin.
Preżenti wkoll waqt dan it-tberik tal-annimali kien hemm il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla, li ferrħet lil dawk li kienu preżenti.
Dun Joseph Henry Abela, li jieħu ħsieb il-kappella ddedikata lill-Kunċizzjoni, tkellem ma’ One News dwar kif attivitajiet bħal dawn huma ispirati minn San Franġisk.
Qal, “Dan kien jiġbor il-bhejjem miegħu u jħarishom. Aħna, biex infakkru din il-festa ta’ San Franġisk, sibna Ħadd qabel u għalhekk ridna mbierku l-bhejjem, li n-nies iħobbuhom, u għalhekk ġew bi ħġarhom.”