Xengil tar-ras u nies kultant bla paċenzja f’riflessjoni tad-dibattitu fis-soċjetà. Hija din l-atmosfera fil-Parlament meta qed jiltaqgħu l-Kumitati tal-Familja u dak soċjali biex ikomplu jisimgħu dwar il-Morning After Pill.
Wara li fl-aħħar sessjonijiet xehdu l-esperti, li wieħed wara l-ieħor qalu li l-morning after pill mhix abortiva, illum qed jinstemgħu għaqdiet mhux governattivi. Mod partikolari dawk li jirrappreżentaw in-nisa.
Quddiem iċ-chairperson Etienne Grech u deputati oħra, qed isiru argumenti favur u oħrajn kontra. Sa issa ebda sorpriżi. L-għaqdiet tkellmu fuq l-istess linja li esprimew fl-aħħar xhur. Min favur u min kontra.
Fl-intervent tagħhom in-nies tal-Life Network għamlu l-argument tagħhom kontra l-Morning After Pill b’kull mod. Fosthom li għax hemm il-Morning After Pill qed jintuża inqas il-condom u skont hi żdied il-mard trasmess sesswalment. Skont kelliema tal-Morning After Pill jiżdied l-abort ukoll.
Membri tal-istess network akkużaw il-World Health Organization b’bias ukoll.
Fost oħrajn tkellmet Lorainne Spiteri mill-Konfederazzjoni tal-Organizazzjonijiet tan-Nisa li qalet kif Malta diġa’ jeżistu metodi kontraċettivi li jaħdmu bl-istess metodu tal-morning after pill.
“Jekk hemm mediċina oħra iktar effettiva u inqas għalja għax ma nużawx lilha,” qalet Spiteri li żiedet meta wieħed jiftakar f’dan ma tafx għaliex qed isir dan id-dibattitu.