Il-Prinċipessa Anne tal-Ingilterra daħlet f’kunflitt liema bħalu ma’ ħuha l-Prinċep Charles, meta faħħret bil-bosta frott u ħaxix li jkun ġenetikament modifikat. Dan m’għamlitux fil-privat ta’ xi kastell irjali, iżda fuq l-istazzjon Radio 4 tal-BBC.
Il-Prinċipessa, li taħdem l-art, qalet li tisusspetta li l-hekk imsejħa GM crops għandhom ħafna benefiċji u ftit li xejn effetti negattivi. Pożizzjoni li tikkuntrasta bi kbir dik tal-prinċep ta’ Wales, li kien iddikjara li GM crops aktarx se jikkaġunaw l-ikbar diżastru ambjentali qatt esperjenzat.
Naturlament, mezzi tax-xandir Ingliżi u dawk ossessjonati b’dak li jiġri fil-familja rjali malajr intervjenew, b’kull tip ta’ spekulazzjoni li bejn iż-żewġt’aħwa jista’ jkun qed iberraq.