L-ewwel ajruplan tat-tip Airbus A320 mill-flotta ta’ Iberia Express niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-ajruport ta’ Madrid-Barajas. Iberia Express hija t-tieni linja tal-ajru ġdida li qed tingħaqad man-netwerk tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta din is-sena u ser tkun qed ittir lejn Madrid it-Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt.
Din il-linja tal-ajru low-cost tifforma parti mil-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Spanja, Iberia, u l-flotta tagħha għandha l-istess kuluri ħomor u sofor. Minn mindu bdiet l-operat tagħha fl-2012, Iberia Express espandiet in-netwerk ta’ destinazzjonijiet tagħha kunsiderevolment, biex illum topera titjiriet lejn 39 destinazzjoni, li minnhom 14 huma lokali u 26 internazzjonali.
Is-CEO tal-MIA, Alan Borg qal, “Hija okkażjoni tassew sodisfaċenti għalina li nilqgħu linja tal-ajru ġdida u llum ninsabu kuntenti li qed ninawguraw l-operat ta’ Iberia Express minn Madrid lejn l-ajruport tagħna. Dan il-bidu jissimbolizza pass ieħor lejn l-irkupru tat-traffiku mis-suq Spanjol u ser jiffaċilita wkoll l-ivvjaġġar minn Malta lejn il-Kontinent Amerikan. Bħala sussidjarja ta’ Iberia, din il-linja tal-ajru hija parti mis-sitt l-akbar grupp ta’ linji tal-ajru fid-dinja, IAG.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Ġestjoni tan-Netwerks u d-Dħul ta’ Iberia Express, Trevor Martin qal: “Ninsabu kuntenti li bdejna l-operat tagħna lejn Malta dan is-sajf, destinazzjoni importanti fil-Mediterran. Bi prezzijiet li jibdew minn EUR39 għal kull segment, servizz ta’ kwalità fuq it-titjiriet u skeda tassew konvenjenti, li tinkludi konnessjonijiet ma’ titjiriet fit-tul operati minn Iberia, ninsabu ċerti li din ir-rotta ser tkun popolari ħafna mal-passiġġieri tagħna tul ix-xhur tas-sajf.”
Il-Ministru tat-Turiżmu, Dr Edward Zammit Lewis, laqa’ lil Iberia Express b’sodisfazzjon u żied jgħid li l-prospetti għall- industrija tat-turiżmu f’Malta, kemm għat-terminu qasir u kemm għal dak itwal, huma pożittivi u inkoraġġanti. Il-Ministru kompla billi rringrazzja lill-maniġment u l-istaff tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-kontribut importanti tagħhom lejn is-suċċess tal-industrija tat-turiżmu f’Malta.
Is-CEO tal-MTA, is-Sur Paul Bugeja, irrimarka dwar il-fatt li issa huma erbgħa l-linji tal-ajru li qed joperaw bejn Spanja u Malta u żied jgħid li dan huwa konformi mal-isforzi li qed isiru sabiex ikun hemm żieda fil-passiġġieri mill-Peniżola Iberika.
L-ewwel titjira tal-linja tal-ajru Spanjola ntlaqgħet bis-salut tal-ilma u għall-passiġġieri abbord it-titjira sar kejk tal-okkażjoni.