Il-President tal-Filippini Rodrigo Duterte sejjaħ lill-President Amerikan Barack Obama “iben prostituta” u wissieh biex ma jqajjimx kwistjonijiet dwar drittijiet umani miegħu.
Dan qalu meta kien mistoqsi minn ġurnalist dwar kif bi ħsiebu jirripondi, jekk Obama jkellmu dwar il-ġlieda kontra s-suq tad-droga.
Mijiet ta’ persuni tilfu ħajjithom f’operazzjonijiet kontra d-droga minn meta Duterte rebaħ l-elezzjoni, minkejja t-tħassib tad-dinja internazzjonali. Huwa ħalef li jeqred it-teħid ta’ droga illegali fil-Filippini, akkost tal-qtil ta’ min jittraffika d-droga.
Duterte u Obama mistennija jiltaqgħu għada f’Laos, f’dik li ma tantx tidher li se tkun laqgħu bejn il-ħbieb. Duterte iddikjara diġa li mhux bi ħsiebu jieħu ordnijiet mill-Amerka, li tagħha l-Filippini kienu kolonja fil-passat.