Iben it-traffikant ta’ fama mondjali, Joaquín “El Chapo” Guzmán, magħruf bħala ‘El Chapo’, ġie estradit lejn l-Istati Uniti, mixli b’diversi akkużi ta’ traffikar tad-droga.
Dan intqal mill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti.
5 miljun ewro kienu qed jiġu offruti għal kwalunkwe informazzjoni li setgħet twassal għall-arrest ta’ Ovidio Guzmán.
Ovidio Guzmán huwa ssuspettat li flimkien ma’ ħuħ mexxa l-cartel li beda missieru f’Sinaloa.
Huwa qed jiġi mixli wkoll li ordna l-qtil ta’ kantanta, għax ma riditx tkanta fit-tieġ tiegħu.
Huwa ġie arrestat f’Jannar, f’Sinaloa fil-Messiku, u baqa’ jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija.
Il-mara ta’ missieru, Emma Coronel, li għandha 33 sena, inħelset mill-arrest wara li skontat piena ta’ priġunerija b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Dan filwaqt li l-moħħ wara dan kollu, El Chapo, qed jiskonta piena t’għomor il-ħabs, mixli li mexxa dan iċ-ċirku.
Iben ieħor ta’ El Chapo kien inqatel lura fl-2008.
Iċ-ċirku ta’ kriminalità li kien imexxi El Chapo, huwa stmat li daħħal aktar minn 1,000 tunnellata ta’ kokaina, marijuna, eroina u drogi oħrajn fl-Istati Uniti.
Persuni qrib dan iċ-ċirku, ħatfu, ittorturaw u qatlu għexieren ta’ persuni, kif ukoll xaħħmu diversi uffiċjali tal-Pulizija u politiċi, matul is-snin.