In-Nutar Ian Castaldi Paris ġie elett bħala Deputat Laburista fil-Parlament.
Dan wara li rebaħ l-elezzjoni każwali fuq it-tmien distrett elettorali sabiex jimtela’ s-siġġu parlamentari tad-deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista Chris Cardona wara r-riżenja tiegħu mill-Parlament ġimagħtejn ilu.
Dr Castaldi Paris kien elett b’2,286 vot, filwaqt li l-kontestanta l-oħra l-avukat Rachel Tua ġabet 1,300 vot.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-membru parlamentari l-ġdid qal li dan ir-riżultat jixhed kemm il-Partit Laburista huwa partit miftuħ. Huwa wiegħed ħidma sfieqa f’isem il-kostitwenti tat-tmien distrett.
Huwa stqarr: “Il-prijorità tiegħi hija sempliċi li nkun dejjem viċin in-nies u li naħdem biex fl-aħħar mill-aħħar nara li dak li jien issa ġejt elett u dawk li fdawni n-nies għalih isarraf f’xogħol. Jien il-pożizzjonijiet u l-karigi ma jagħmlux bija, l-importanti li tkun deputat ħa jkun hemm min javviċinak u tkun t’għajnuna għalih f’ħajtu.”
Dr Castaldi Paris ikkonferma li mal-ħatra tiegħu se jkun qed jirriżenja minn chairman ta’ Identity Malta u minn direttur fuq il-bord tal-Air Malta.
Il-proċess tal-għadd tal-voti sar bl-idejn hekk kif is-sistema elettronika ma kinitx użata fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Tul l-għadd tal-voti spikkaw l-użu tal-maskri u ilbies ieħor protettiv minħabba l-imxija.
B’reazzjoni għall-elezzjoni ta’ Dr Castaldi Paris, il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lil Dr Ian Castaldi Paris u rringrazzja lil Rachel Tua għall-kontribut tagħha.
Il-Partit Laburista fi stqarrija wkoll feraħ lil Dr Castaldi Paris.
“M’hemmx dubju li Ian Castaldi Paris se jkun qed jirrappreżenta lill-kostitwenti kollha tat-8 Distrett, kif ukoll lil poplu Malti u Għawdxi kollu, bl-aħjar mod bħala Membru Parlamentari”, stqarr il-Partit Laburista, filwaqt li rringrazzja lil Dr Rachel Tua.
Intant fil-bidu tas-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija, Dr Castaldi Paris ħa l-ġurament ta’ membru parlamentari quddiem l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia. –
Congratulations @IanCastaldi for being elected to Parliament. Thank you Rachel Tua for your valid contribution to @PL_Malta – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 13, 2020
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/13/ian-castaldi-paris-jiehdu-l-gurament-ta-hatra-bhala-membru-parlamentari/