Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg se jkun qed jitfa’ n-nomina għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, fl-elezzjonijiet ta’ nofs ix-xahar id-dieħel.
Dr Borg ħabbar dan fi stqarrija, fejn intqal li qed jagħżel li jkompli jagħti sehmu fit-tisħiħ tal-Partit u l-Gvern Laburista.
Sostna li “b’konvinzjoni nemmen li l-Partit Laburista u l-valuri li nħaddnu huma l-aqwa għażla politika għal pajjiżna, u li lkoll kemm aħna jeħtieġ naħdmu bla heda, flimkien, għall-ġid tal-poplu Malti, bħal ma’ ilu jagħmel dan il-Partit sa minn meta twaqqaf, għal aktar minn 100 sena.”
Il-Ministru Borg qal li fl-aħħar ġimgħat, hu tkellem ma’ sħabu l-Membri Parlamentari u delegati tal-Partit Laburista, fosthom dawk li avviċinawh biex jagħmel dan il-pass.
Dr Borg sostna li kkunsidra wkoll is-sejħa għall-għaqda tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, u tkellem ukoll ma’ Chris Fearne, li serva l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru bi grinta u determinazzjoni għal dawn l-aħħar tmin snin.