L-Unjoni Ewropea għenet biex ġew irrealizzati l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar l-għoxrin anniversarju mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Il-konferenza ttellgħet mill-Istitut għall-Istudji Ewropej fi ħdan l-Università ta’ Malta u ħadet kont tal-aħħar għoxrin sena, filwaqt li tat ħarsa wkoll lejn il-ġejjieni ta’ Malta fl-Unjoni.
Din il-konferenza rat ukoll tnedija ta’ serje ta’ karti ta’ riċerka u diskussjoni bis-sehem ta’ diversi kelliema li ttrattaw aspetti varji tal-Unjoni Ewropea.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mid-Direttur tal-Istitut għall-Istudju Ewropej, il-Professur Mark Harwood, iċ-Chair tal-Istitut, il-Professur Carmen Sammut, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella.

