Hekk kif Malta tinsab ippreparata biex il-Ħamis tiftaħ il-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, fi Vjenna, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, li qed jokkupa r-rwol ta’ Chairman-in Office, spjega ma’ ONE News dwar l-importanza tad-djalogu bejn il-pajjiżi.
Dan anke fid-dawl li Malta bħalissa għandha f’idejha l-Presidenza ta’ din l-akbar organizzazzjoni fid-dinja tat-tip tagħha.
Stqarr, “Din l-organizzazzjoni titkellem fuq sigurtà, iżda titkellem fuq is-sigurtá fis-sens wiesgħa tagħha ġifieri mhux biss mill-aspett ta’ gwerer li għaddejjin iżda anke dwar is-saltna tad-dritt, il-protezzjoni tal-ġurnalisit, demokrazija iżda anke wkoll aspetti oħrajn bħal diskors ta’ mibegħda ta’ reliġjonijiet differenti u l-minoritajiet fil-komunatijiet tagħna. ”
Qal kif hu kruċjali li nżommu d-djalogu mal-pajjiżi kollha u waħda mir-raġunijiet għaliex Malta kienet isem vijabbli għall-pożizzjoni hu proprju għar-relazzjonijiet li għandha ma’ pajjiżi oħrajn.
Sostna, “Naħseb waħda mir-raġunijiet għaliex Malta kienet vijabbli, proprju għax Malta għandha relazzjoni tajba ma’ kulħadd, u għaldaqstant ser ittina wkoll opportunitá li nitkellmu ma’ ħafna pajjiżi li s-soltu jkollna inqas engagement magħhom. Mhux xi ħaġa faċli, peró nemmen li din se tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna.”