Waqt li dejjem titkellem dwar l-importanza tad-djalogu internazzjonali, fl-aħħar jiem Malta nnotat l-interazzjoni li kien hemm bejn uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea u l-Iran.
Fuq talba tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran, Hossein Amir Abdollahian, il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kellu laqgħa bilaterali miegħu, fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru Borg tkellem dwar id-diskussjoni riċenti li kellhom ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Joseph Borrell, u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Golf, Luigi Di Maio, mal-istess Ministru Iranjan.
Il-Ministru Borg reġa’ tenna l-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea, fosthom dwar il-Gwerra Russa fl-Ukrajna u t-tħassib dwar rapporti rigward l-appoġġ militari Iranjan lir-Russja.
Qal, “Il-kundanna tagħna u l-ħsibijiet ta’ kemm aħna mħassbin dwar is-sitwazzjoni ta’ drittijiet umani, il-fatt li qed jassistu lir-Russja bit-teknoloġija tad-drones u aspetti oħrajn. Il-fatt li Malta għandha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà, hu kruċjali li nisimgħu, li nsegwu dak kollu li qed jiġri, biex inkunu f’pożizzjoni aħjar li niddeċiedu.”
Waqt l-istess laqgħa, il-Ministru Borg enfasizza wkoll dwar l-importanza li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, filwaqt li għadda wkoll il-kummenti tiegħu dwar l-importanza li tinstab it-triq għad-dieskalazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (JCPOA) fiċ-ċentru.
L-Erbgħa, il-Ministru Borg attenda wkoll il-laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, li ttrattat l-aħħar żviluppi fi Ngorno-Karabakh. Malta hi mħassba ħafna dwar l-aħħar eskalazzjoni militari mill-Azerbajġan kontra l-Armeni tal-Karabakh.
Il-Ministru Malti attenda l-laqgħa Ministerjali tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fejn Malta kompliet turi l-appoġġ tagħha għax-xogħol importanti li qed isir, għax temmen li din għandha sfond fundamentali fil-ħidma għall-ġustizzja internazzjonali.
Hawnhekk il-Ministru Malti mexxa wkoll avveniment b’kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, il-UNICEF u l-War Child UK li jiffoka fuq id-detenzjoni tat-tfal li jkunu affiljati ma’ gruppi armati fejn tkellem dwar l-importanza ta’ kif nittrattaw ma’ dawn it-tfal, b’mod partikolari, wara l-konflitt u wara li ma jkunux jibqgħu jagħmlu parti mill-gruppi armati.
Ian Borg ħa sehem ukoll fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin għall-Commonwealth, il-laqgħa preparatorja għas-summit tal-mexxejja “Summit of the Future”, il-laqgħa Ministerjali għall-kontabilità tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna u d-diskussjoni dwar id-dikjarazzjoni kontra d-detenzjoni arbitrarja fir-relazzjonijiet bejn stat u ieħor.
Qal, “Kelli wkoll l-opportunità li nattendi għal laqgħa mal-Ministri tal-Affarjiet Barranin li pajjiżhom hu parti mill-Commonwealth, allura l-messaġġ tagħna favur din l-organizzazzjoni li fadlilha skop li naħdmu flimkien jekk hux fuq demokrazija, jekk hux fuq saltna tad-drittijiet, imma anke fuq il-fatt li ħafna minnhom huma stati gżejjer u allura l-kontribut ta’ Malta f’dan kollu wkoll.”