Fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti, u diversi esponenti mill-qasam edukattiv ġiet imnedija l-Fiera ‘I Choose’.
Din il-Fiera, li se tkun qed tittella’ fil-Lukanda Excelsior fil-Furjana nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju mill-erbgħa sat-tmienja ta’ filgħaxija u l-għada s-Sibt 22 mid-disgħa sas-siegħa, tgħin liż-żgħażagħ jieħdu deċiżjoni tajba għall-karriera tagħhom u fuq hiex għandhom jibbażaw l-għażla tagħhom.
‘I Choose’ se tgħin lill-individwi jifhmu aktar l-interessi, il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom u kif dawn jirrelataw ma’ karriera fil-ġejjieni.
Din il-fiera se tagħti opportunità lill-istudenti biex jipparteċipaw u jiġbru informazzjoni intiża biex tgħinhom jirrispondu mistoqsijiet li jista’ jkollhom biex jagħmlu għażla għaqlija.
Miġburin taħt saqaf wieħed, l-istudenti żgħażagħ se jsibu ’l fuq minn 40 esebitur b’informazzjoni fuq diversi karrieri. Minbarra dan, se jkollhom l-opportunità li jitkellmu ma’ rappreżentanti minn istituzzjonijiet Post-Sekondarji u professjonisti biex jgħinuhom iżjed.
‘I Choose’ hi inizjattiva waħda f’kullana ta’ ħafna attivitajiet u inizjattivi dwar il-karrieri, li jiġu organizzati matul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti.
Id-Direttriċi fi ħdan is-Servizz Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel, Josianne Ghirxi, tkellmet ma’ ONE News dwar l-importanza ta’ din il-fiera u kemm hu importanti li l-istudenti jkomplu jinvestu fit-tagħlim u fl-istess waqt iħaddnu l-prinċipju ta’ tagħlim tul il-ħajja.
“L-iskop tagħha hu li l-istudenti, flimkien mal-ġenituri tagħhom, ikunu jistgħu jiġu u jaraw l-esebizzjonijiet kollha. Ikunu jistgħu anke jitkellmu mal-professjonisti. Se jkun hemm anke stands tal-Post Secondary fejn anke jkunu jistgħu jaraw u jiddiskutu anki x’hemm bżonn għall-karriera futura tagħhom.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-importanza ta’ din il-fiera u saħaq li hi opportunità li tikkumplimenta it-tagħlim akkademiku, tkompli tgħin biex tikkontribwixxi fl-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti u toffri servizz ta’ gwida għall-karrieri.
Tlabnih jimraħ ftit dwar il-fiera ‘I Choose’ vis a vis anke l-istrateġija tal-Edukazzjoni li trid teħodna sas-sena 2030.
“Hu importanti li, bħala Ministeru, nibqgħu nkunu ta’ spalla għall-istudenti tagħna fejn ngħinuhom, mhux niddeċiedu għalihom, jagħmlu l-għażliet tagħhom, inwieġbu l-mistoqsijiet li jagħmlu fuq kollox, u nagħtuhom l-għodda neċessarja biex jieħdu d-deċizjoni informata f’dik li hi karriera jew karrieri prospettivi tagħhom.”