Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ma sab l-ebda ksur ta’ etika mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Dan b’referenza għal ittra li kien bagħat l-Avukat tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Professur Ian Refalo, bi tweġiba għal dak li bagħat lill-Ispeaker, iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia.
L-ilment quddiem Hyzler tqajjem minn Arnold Cassola.
Il-Professur Refalo f’isem l-Uffiċċju tal-Ispeaker kien wieġeb għal ittra ta’ Matthew Caruana Galizia, li fiha kien talab għar-riżenja tal-Ispeaker.
Fl-ittra għan-nom tal-Ispeaker tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, Caruana Galizia kien intalab jimxi mal-proċedura u jikteb lill-Iskrivan tal-Kamra.
L-ittra tal-Avukat tal-Kamra kienet temmet tgħid li l-Ispeaker se jkompli jwettaq xogħlu fl-aħjar interess tad-demokrazija fil-pajjiż.
Fid-deċiżjoni tiegħu, li ma sab xejn mhux etiku min-naħa t’Anġlu Farrugia, Hyzler qal li fil-prinċipju, l-Ispeaker jista’ jkun soġġett għall-investigazzjoni dwar il-liġi tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika iżda dan jista’ jsir b’mod limitat fl-irwol li għandu l-Ispeaker.
Wara li l-Avukat tal-Uffiċċju tal-Ispeaker kien wieġeb l-ittra ta’ Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ngħaqdet mal-għaqda Repubblika f’attakk kontra l-Ispeaker.
Fil-fatt waqt dan kollu, attivisti ta’ Repubblika kienu nġabru barra l-Parlament fi protesta jattakkaw lill-Ispeaker u magħhom kien hemm nies bħal Lawrence Gonzi, ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar u l-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino, li l-eks Chief of Staff tiegħu huwa Ray Bezzina, illum imexxi l-uffiċċju tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Bernard Grech saħansitra kellu jogħġob lil ta’ Repubblika u beda jimmina l-ħidma tal-Ispeaker.
Saħansitra Bernard Grech kien spiċċa jgħid li ser ikun qed jitlob ir-riżenja tal-Ispeaker jekk dan ma jiddeċidix ir-rulings favurih.