L-iktar postijiet li s-soltu jirrikorri għalihom il-konsumatur, illum sebħu l-iżjed postijiet kwieti f’pajjiżna. Dan hekk kif il-ħwienet li jbiegħu affarijiet jew joffru servizzi mhux essenzjali baqgħu magħluqin.
Il-miżuri li daħlu fis-seħħ it-Tnejn filgħodu fit-tmienja, hekk kif imħabbra mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd wara nofsinhar, raw ukoll l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni li persuna jorganizza laqgħa bejn gruppi ta’ nies. Dan filwaqt li dawn il-miżuri huma infurzati b’multa ta’ 3,000 ewro għal kull ksur.
Fost il-ħwienet li ġew ordnati jkunu magħluqin hemm dawk tal-ħwejjeġ, taż-żraben, tal-ġojellerija, tas-sbuħija u tal-għamara.
Filwaqt li l-parti l-iktar kummerċjali f’tas-Sliema kienet vojta ma stajniex ma ninnutawx li kien hemm bosta persuni li dehru barra max-Xatt ta’ Tas-Sliema. Min biex jagħmel l-eżerċizzju fiżiku u min biex jgħaddi l-ħin b’xi passiġata jew fuq xi bank. Stajna naraw ukoll ommijiet li ħadu lit-tfal tagħhom l-bandli.
Dan għalkemm ta’ kuljum l-appell tal-Awtoritajiet tas-Saħħa jibqa’ wieħed, biex kulħadd jibqa’ ġewwa u ma joħroġx bla bżonn.