Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li huwa prinċipju tal-Gvern immexxi minnu li jsostni lin-nies fi żminijiet diffiċli, u għamilha ċara li s-sostenn se jibqa’ jingħata sakemm jibqgħu hemm il-pressjonijiet li jiġġustifikawh.
Huwa kien qed jitkellem waqt intervista fuq ONE Radio, il-Ħamis waranofsinhar, meta ġie mistoqsi dwar il-ħidma riċenti tal-Gvern u l-aħħar żviluppi fil-pajjiż u anke madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru Abela beda billi sostna l-importanza li jibqa’ jiġi assigurat it-tkabbir ekonomiku sabiex il-Gvern iżomm kapaċità produttiva b’saħħitha filwaqt li jgħin kemm jista’ fejn hemm bżonn.
“Meta ġie dak il-mument tal-bżonn, aħna stajna nibqgħu ngħinu lin-nies u lin-negozji u anke issa li qegħdin f’dan il-mument ta’ pressjonijiet internazzjonali ġodda, hekk ukoll nistgħu nibqgħu ngħinu lin-nies bil-mod b’saħħtu li qed nagħmlu bħalissa, proprju għaliex għandek tkabbir ekonomiku li huwa wieħed b’saħħtu.“
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ aktar irkupru fis-settur turistiku, li huwa kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa rrimarka wkoll dwar ħidma importanti li għaddejja f’dan il-qasam mill-Gvern biex tikkumplimenta l-investiment riċenti li sar mill-ġgant tal-avjazzjoni Ryanair f’pajjiżna u li wassal għall-ħolqien ta’ 250 impjieg ġdid.
“As we speak, għaddejjin ukoll b’diskussjonijiet ukoll ma’ airline ġdida, mal-WizzAir, fost ukoll diskussjonijiet oħrajn, biex niżguraw dak li stajna konna aħjar fih għal dan l-istaġun, niżguraw li kemm fix-xhur tax-xitwa u wkoll għas-sajf li ġej, niżguraw li nkomplu nsaħħu dan l-irkupru ekonomiku f’din-niċċa ekonomika tant importanti tat-turiżmu għal pajjiżna. U, ejja ngħidu l-verità, l-importanza tan-niċċa eknomika tat-turiżmu rajniha waqt il-pandemija daqs qatt qabel.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Abela spjega wkoll kif ħidma ewlenija fl-aħħar xhur biex tinkoraġġixxi aktar investiment kienet dik biex Malta titneħħa mil-lista l-griża tal-FATF.
“Il-messaġġ b’saħħtu li ntbagħat kien ta’ fiduċja f’pajjiżna. Mhux biss saħħaħna lil pajjiżna bħala ġuriżdizzjoni serja u reputabbli imma mbagħad investitur li qed iħares lejn pajjiżna, u rajnihom is-sinjali pożittivi mill-ewwel: investituri ġodda li qed ifittxu fuq pajjiżna u qed jaraw li pajjiżna tneħħa minn din il-lista. Kien ifisser messaġġ b’saħħtu ħafna, partikolarment fejn jidħlu setturi bħal dak tal-gaming, bħal dak tas-servizzi finanzarji, jiġifieri tara l-importanza ta’ dan kollu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-intervista, il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-inflazzjoni kkawżata mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Sostna kif, minkejja li għaddiet l-elezzjoni, l-għajnuna baqgħet tingħata għax il-prinċipju ta’ dan il-Gvern hu li jsostni lin-nies dejjem u mhux għax tkun ġejja l-elezzjoni.
Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna kif din l-għajnuna tidher ċara fis-setturi tal-enerġija u l-fjuwil.
“F’pajjiżna b’€20 tieħu 15-il litru petrol. Jekk tħares x’jagħtuk l-istess €20 il-Greċja u Spanja, jagħtuk ftit aktar minn nofs, jiġifieri 8 litri. Jekk tmur l-Italja tieħu terz inqas, tieħu 5 litri inqas. Issa dawn huma kollha affarijiet li jaffettwaw b’mod dirett il-but tan-nies.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela sostna li s-sitwazzjoni tibqa’ waħda fluwida u għalhekk il-Gvern qed jibqa’ għaddej b’ħidma bla waqfien sabiex ikun jista’ jintervjeni b’mod b’saħħtu.