“Nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija, erġajna assistenja għal oxxenità oħra tal-mistħija. Hi tal-mistħija, għax kien hemm min inqeda b’velja ta’ mħabba li dawwarha f’attività politika li fi tmiem il-velja wrew għalxiex fil-fatt kienu hemmhekk.”
Kien b’dan il-mod li kiteb l-Editur tal-gazzetta L-Orizzont, b’referenza għal meta kien hemm min għajjar u insulenta lill-Prim Ministru Robert Abela x’ħin ħareġ mill-Berġa ta’ Kastilja. Saħansitra kien hemm min waddab flixkun fid-direzzjoni tiegħu.
L-Editur staqsa kif possibbli li wħud mill-Maltin tilfu kull sens ta’ ċiviltà u li possibbli li għad hawn min hu lest li jiżvoga b’mod aggressiv is-sentimenti tiegħu, fosthom anke dawk politiċi.
L-editorjal isemmi wkoll li l-familja ta’ Jean Paul Sofia saħansitra ddeplorat u kkundannat l-aġir ta’ dawn in-nies, wara li Isabelle Bonnici, omm iż-żagħżugħ, ukoll irringrazzjat lill-Prim Ministru għad-deċiżjoni li jsejjaħ inkjesta oħra.
Ingħad li l-Prim Ministru baqa’ sa tmiem il-velja fl-uffiċċju tiegħu b’rispett lejn il-qraba ta’ Jean Paul Sofia u ta’ dawk kollha li attendew u ddeċieda li joħroġ mill-bieb ewlieni ta’ Kastilja biex ħadd ma jinterpretah li pprova jinjora lill-folla li kienet hemmhekk.
Sadanittant, fl-intervista fil-Gudja, il-Prim Ministru rrakkonta x’qallu missier Jean Paul Sofia dak il-ħin li ħareġ minn Kastilja.
“Nixtieq minn hawnhekk, nirringrazzja f’dak il-mument lil missier Jean Paul Sofia, għax ftit tal-ħin qabel kont għedtlu jien se nimxi t-triq kollha miegħek, it-triq tal-ġustizzja biex nifthemu u dak il-ħin ġie fuqi qalli issa jien se nimxi t-triq kollha miegħek. U ta’ dan nirringrazzjah.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
L-editorjal ta’ L-Orizzont temm jikkundannaw dan l-aġir, speċjalment fil-konfront ta’ persuna li għandha l-ogħla kariga fit-tmexxija tal-pajjiż, il-Prim Ministru.