“Il-fatt li ngħatajt is-sensja u spiċċajt bla xogħol huwa nuqqas ta’ rispett mill-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir.”
Hekk stqarr ma’ dan l-istazzjon Mario Mallia wara li t-Tlieta tħabbar li tneħħa mill-Kap tal-istess Kulleġġ, li huww tal-Ordni Dumnikana.
Huwa kkummenta li, taħt it-tmexxija tiegħu, fl-iskola kienet qed tissawwar komunità inklużiva u diversa, bi tfal ta’ kull tip, ta’ reliġjonijiet, orjentazzjonijiet, u ġeneri.
Mallia saħaq li t-tkeċċija tiegħu minn Kap ta’ dan il-Kulleġġ ma tirriflettix dak li għamel flimkien mal-għalliema f’dawn is-sittax-il sena.
Għamilha ċara li ma kienx hu li telaq imma li tkeċċa minħabba dik li l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ sejħilha “insubordinazzjoni aggravata”.
“Kellna l-opportunità, u għad għandna l-opportunità, li naħdmu flimkien biex is-servizz li qed nagħtu jsir aħjar, li nisimgħu lil xulxin, imma ma tistax tirfisni bit-takkuna. Jekk hemm xi ħaġa li nistgħu nieħdu minn din l-esperjenza, u li kelli nħallas il-prezz tagħha jien, huwa li l-edukaturi għandhom id-dritt għar-rispett.”
Numru kbir ta’ għalliema u ġenituri nġabru biswit l-iskola St.Alberts, fil-Belt Valletta, biex jipprotestaw kontra t-tneħħja ta’ Mallia minn surmast ta’ din l-iskola.
B’rabta ma din il-kwistjoni, il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, irreġistrat tilwima industrijali mal-Ordni tad-Dumnikani u mal-Kurja.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, saħaq li l-Unjin mhux se taċċetta din l-attitudni u allega li dan huwa mod opressiv kif tmexxi skola.
Bonnici qal ukoll li l-Ordni tad-Dumnikani heddet b’ittri legali tliet membri tal-istaff li kienu qed jippjanaw li jattendu għall-protesta tal-unjin.
“Aħna ġejna nappoġġaw lis-Sur Mallia, kif ukoll lill-komunità tal-Kulleġġ. Inġbarna magħhom hawn dalgħodu f’dimostrazzjoni paċifika, fejn irridu nsemmgħu leħinna, kontra dak kollu li huwa għaddej.”
F’botta u risposta, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet li Mario Mallia tkeċċa minn Kap tal-Kulleġġ minħabba l-politika dwar l-inklużjoni.
Fi stqarrija qalu li Mallia twaqqaf minn xogħlu minħabba kwistjonijiet maniġerjali u proċeduri li ilhom jinstemgħu u li ma ġewx riżolti.
Ġie rrimarkat li, għal bosta snin, il-Provinċja Dumnikana Maltija sostniet finanzjarjament u b’diversi modi oħra l-operat tal-Kulleġġ, anke fiż-żmien meta s-Sur Mallia kien surmast.
Intqal ukoll li l-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir dejjem kellu għal qalbu kwalunkwe sistema li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti, tal-familji, u tal-edukaturi kollha, inklużi politiki ta’ inklussività li dejjem ħaddnet u li se timbotta ’l quddiem fis-snin li ġejjin bl-istess viżjoni u perseveranza.
Il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir qal li jħoss li mhuwiex opportun li jiddiskuti fil-pubbliku dak li seħħ.