“Ejjew ma naljenawx lilna nfusna u naħsbu li l-kompjuter jibni s-sistema, iżda huwa l-bniedem u l-ħsieb li jibnu s-sistemi, u għalhekk ejjew naraw li dak li kapaċi tibnu fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u lil hinn minnha ikun biss jiswa ta’ ġid għall-popli u mhux ta’ ġid biss għall-bwiet tal-ftit li lesti jaslu saħansitra anke għal qerda ta’ popli,” kien il-messaġġ ewlieni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia meta indirizza konferenza intitolata “Youth Science Forum – Parliamentary Debate”.
Din il-konferenza mtella’ mill-Kamra tax-Xjentisti f’kollaborazzjoni mal-Parlament ta’ Malta, laqgħat diversi studenti żgħażagħ minn diversi skejjel post-sekondarju biex huma jtemmu programm ta’ studji tagħhom bl-isem ta’ “Youth Science Forum” dwar Intelliġenza Artifiċjali.
L-Ispeaker qal li pajjiżna aktar minn pajjiżi oħra, neħtieġu li jkollna aktar individwi li jistudjaw ix-xjenzi bil-għan li jitjieb l-għajxien tal-poplu u aktar l-iżvilupp uman.
l-Ispeaker ikkonkluda billi qal li l-Intelliġenza Artifiċjali u issa wkoll li qed noqorbu b’ritmu qawwi lejn l-Intelliġenza Ġenerali Artifiċjali, fejn ilkoll nafu li l-kapaċità tagħha se tkun li twettaq kwalunkwe kompitu intellettwali li l-bnedmin jistgħu jwettqu, saħansitra jekk mhux aqwa, iżda fl-aħħar mill-aħħar, hija l-aqwa sistema li kull wieħed u waħda minnha għandu li wasslet sabiex ġie żviluppat dan kollu, il-moħħ tal-bniedem, il-moħħ li jibni s-sistemi, liema sistemi jiġġenerahom il-kompjuter, u li jwasslu fl-aħħar mill-aħħar għas-servizz li l-istess AI jew AGI, ser tkun qed ittina fiż-żmien li ġej.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Speaker David Agius.