“Għalkemm, fil-prinċipju, il-migrazzjoni fiha nnifisha tista’ tkun pożittiva, dan ikun il-każ biss kemm-il darba tkun legali u regolari. Huwa biss meta nkunu stabbilixxejna sistema ta’ migrazzjoni mmaniġġjata mill-awtoritajiet u mhux minn dawk li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari, li nkunu f’qagħda li ngħidu li qed nindirizzaw il-migrazzjoni b’mod effiċjenti u effettiv,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela.
Huwa kien qed jindirizza konferenza ffukata fuq il-migrazzjoni li ġiet organizzata f’Malta mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mill-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM). It-tema ċentrali tal-konferenza kienet il-migrazzjoni mil-Libja.
Il-Ministru qal li t-trażżin ta’ smuggling networks ta’ dawk li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu huwa essenzjali daqs li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni. In-nuqqas ta’ opportunitajiet legali għall-migrazzjoni u ta’ tagħrif dwar tali opportunitajiet fejn dawn jeżistu, żied jgħid, jikkontribwixxu għal sitwazzjoni li, finalment, tagħti r-riħ fil-qala’ lill-attivitajiet tal-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari.
“Irridu negħlbu lil dawk li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari mhux biss biex niżguraw li l-migrazzjoni lejn l-Ewropa tkun immaniġġjata kif xieraq,” qal il-Ministru, “iżda wkoll biex ma nħallux li jintilfu aktar ħajjiet fuq ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran u fi bnadi oħrajn. Huwa ċar li hemm korrelazzjoni diretta bejn l-attivitajiet tal-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari u l-imwiet fil-baħar. Sakemm in-nies jibqgħu jemmnu li huwa vallapena li jissograw li jaqbdu dgħajsa lejn l-Ewropa, se jibqgħu jintilfu l-ħajjiet.”
Il-Ministru fakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-serjetà li tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, id f’id mal-pajjiżi sħab ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Fil-kuntest tal-UE, Malta konsistentament argumentat favur dan u tibqa’ tal-istess fehma kemm bħala Stat membru tal-Unjoni kif ukoll bħala parti mill-Presidenza tagħha tal-Kunsill. Il-koperazzjoni interkontinentali dwar il-migrazzjoni għandha tkun komprensiva kemm jista’ jkun.
“Jeħtieġ li nibqgħu nindirizzaw il-kawżi tal-għeruq tal-migrazzjoni irregolari u taċ-ċaqliq furzat tan-nies; li nsaħħu l-koperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà legali; li nirrinforzaw il-protezzjoni tal-migranti u ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil; li nilqgħu għall-migrazzjoni irregolari, il-faċlitazzjoni tagħha, u t-traffikar tal-bnedmin u niġġildulhom; u li naħdmu aktar mill-qrib biex intejbu l-koperazzjoni dwar ir-ritorn, ir-rijammissjoni u r-riintegrazzjoni,” qal il-Ministru Abela.