Nofs il-popolazzjoni globali tagħmel riżoluzzjoni għall-bidu tas-sena bit-tama li dik li tkun għadha kif bdiet tkun aħjar minn dik li tkun intemmet, iżda, għaxra fil-mija biss jibqgħu jimxu mal-wegħda li jkunu għamlu magħhom infushom.
Dan sostnieh Matthew Bartolo, counsellor li qal li biex wieħed iżomm mar-riżoluzzjoni għandu jaqsamha f’għanijiet iżgħar u aktar reali, li jistgħu jintlaħqu faċilment.
Huwa stqarr: “Importanti ħafna li tagħmel għan wieħed long term, mela jien sal-aħħar tas-sena rrid immur il-gym tliet darbiet fil-ġimgħa, imbagħad tibda tagħmel short-term goals: l-ewwel ġimgħa x’ħa jkun l-għan tiegħi? Li nagħmel membership u mmur darbtejn, u dejjem tara kull ġimgħa li rnexxielek iżomm ma’ dak l-għan u titgħallem aktar fuqek innifsek, tibda tinduna li jekk ħa nipprova mmur wara x-xogħol mhux ħa jirnexxili, jekk ħa mmur qabel ix-xogħol forsi għandi aktar ċans. U kull ġimgħa qed tirifletti fuq l-għan tiegħek: wasaltx għalih jew le u x’għandek bżonn ittejjeb u tibdel biex tasal għalih il-ġimgħa ta’ wara.”
Ġenerlament, ir-riżoluzzjonijiet isiru biex dak li jkun meta jħares lura, jkun ra titjib fih innifsu.
Bartolo tenna: “Jiġifieri anke jekk forsi r-riżoluzzjonijiet s’issa qatt ma żammejthom, importanti ħafna li tħares lura u tgħid jiena din is-sena x’inhu l-għan tiegħi biex sal-aħħar tas-sena nkun persuna aħjar. Ovvjament l-affarijiet jiġru bħalma ġara s-sena li għaddiet u li mhux dejjem nilħqu l-għan tagħna, imma tal-inqas inkunu bdejna billi riflettejna fuqna nfusna u pprovajna ntejbu l-istat tal-ħajja tagħna.”