“Huwa importanti li naraw li l-lingwa Maltija ma tkunx biss lingwa rikonoxxuta fuq il karta, imma tibqa’ lingwa ħajja.” Qal dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba f’messaġġ fuq il-mezzi tal-midja socjali.
Dr Agius Saliba tkellem dwar l-importanza tal-lingwa Maltija, li għalkemm hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, xorta waħda għandna naħdmu aktar biex nippromovu l-użu tal-lingwa sabiex jibqa’ wieħed ħaj u relevanti.
Dr Agius Saliba għamel referenza għall-użu tal-lingwa Maltija fid-dinja tal-informatika, fejn qal li numru ta’ apps li jintużaw b’mod regolari mill-Maltin u l-Għawdxin fuq il-mobiles ċellolari u t-tablets, ma joffrux l-għażla li jintuża l-Malti.
Għaldaqstant, il-kandidat Laburista saħaq li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, hemm lok għal aktar involvement u investiment fl-użu tal-Malti. Dr Agius Saliba qal li għandna naħdmu biex nattiraw aktar fondi Ewropej sabiex nassistu lill-kumpaniji lokali biex ikunu jistgħu jiżviluppaw aktar pjattaformi diġitali, bħal software u applikazzjonijiet li jintużaw minn eluf ta’ Maltin kuljum, li jħaddmu l-lingwa Maltija. B’dan il-mod, inkunu qegħdin ninkoraġġixxu wkoll l-użu aktar varjat u kontemporanju tal-lingwa.
Il-kandidat Laburista temm jgħid li l-preservazzjoni u l-użu tal-lingwa Maltija fir-realtajiet tal-lum ser ikun fiċ-ċentru tal-pjan ta’ ħidma tiegħu kemm il-darba jkun elett biex jirrappreżenta lill-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew. Dr Agius Saliba saħaq li dan huwa punt ta’ importanza kbira għalina l-Maltin li għandu joħroġ bl-aktar mod ċar ukoll fil-ħidma tal-Ewro Parlamentari Maltin.