Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, iltaqgħet ma’ delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.
Il-Ministru Caruana qalet li huwa ferm importanti li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jaħdem flimkien mal-imsieħba soċjali kollha, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, biex is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna trawwem iż-żgħażagħ tagħna biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol b’dawk il-ħiliet neċessarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna u fl-istess ħin l-individwi jkollhom impjieg li jrendi salarju adegwat li permezz tiegħu jkunu jistgħu jgħixu ħajja komda.
Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija kienet immexxija mill-Perit David Xuereb d-Deputat President Marisa Xuereb. Parti minn din id-delegazzjoni ħadet sehem f’din il-laqgħa b’mod virtwali biex tkun irrispettata d-distanza soċjali.
Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni li permezz tagħha ngħatat ħarsa lejn l-objettivi tal-Kumitat dwar l-Edukazzjoni fi ħdan il-Kamra tal-Kummeċ. Il-membri tad-delegazzjoni ressqu diversi punti marbuta mas-settur edukattiv u wkoll istituzzjonijiet edukattivi kif ukoll proposti għal diskussjoni.
Il-Ministru Caruana qalet li fil-jiem li għaddew ikkummissjonat studju biex tara kif l-istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jkomplu jissaħħu ħalli jkomplu joffru korsijiet ta’ livell għoli. Hija kompliet tgħid li se tara li jkun hemm aktar sinerġiji bejn l-awtoritajiet u entitajiet biex il-proċess ta’ akkreditazzjoni jkun wieħed ħafif u wkoll biex tkompli titjieb il-promozzjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi tagħna bil-għan li tintlaħaq l-istrateġija tal-Gvern li dawn il-gżejjer isiru ċentru ta’ tagħlim mhux biss għar-reġjun tal-Mediterran imma wkoll għal pajjiżi oħra.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li xhieda ta’ din il-viżjoni huma t-taħditiet u l-ftehim ma’ uffiċjali Libjani għal kooperazzjoni fis-settur edukattiv.
Il-Ministru Caruana qablet mal-uffiċjali tal-Kamra tal-Kummerċ li jsir sforz biex ikun hemm koordinazzjoni ċentrali li tiffoka fuq l-iskills gap ħalli s-setturi ekonomiċi li joperaw minn dawn il-gżejjer mhux biss isibu forza tax-xogħol imħarrġa, iżda jkun hemm l-istrutturi edukattivi biex ikun hemm taħriġ kontinwu ta’ ħaddiema li jwasslu għal aktar flessibilità biex il-ħaddiema jibqa’ jkollhom għażla usa’ ta’ impjiegi u wkoll aktar opportunitajiet.