“Huwa dan is-sens ta’ attiviżmu li, bis-saħħa tiegħu, nistgħu nġibu l-bidliet li jeħtieġ il-pajjiż.” Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt it-tieni workshop organizzat mill-Partit Laburista bit-tema ‘Il-Komunitajiet li Rridu Ngħixu Fihom’.
Workshop ieħor imtella’ bħala parti mis-sensiela ta’ attivitajiet mħejjin fl-isfond tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru sostna li l-komunitajiet ta’ pajjiżna jridu tliet affarijiet prinċipali – l-ambjent, is-sigurtà u s-servizzi li jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies.
Dwar l-ambjent, Dr Abela rrefera għall-proposti fil-manifest elettorali Laburista ‘Malta Flimkien’ u li se jwasslu għal aktar spazji miftuħa u aċċessibbli għal kulħadd.
Sadanittant, dwar is-sigurtà fil-komunitajiet, il-Prim Ministru sostna li l-kunċett tal-Community Policing issa sar realtà f’pajjiżna hekk kif 45 lokalità għandhom dan is-servizz.
Qal, “Imma daħħalna din il-bidla fil-kultura ta’ kif il-korp iħares lejn il-komunità u ta’ kif il-komunità tħares lejn il-korp. Għandna Korp tal-Pulizija li poġġa lilu nnifsu aktar aċċessibli għan-nies, fejn mhux in-nies imorru fl-għassa tal-Pulizija, imma l-Pulizija tmur għand in-nies.”
Dr Abela aċċenna wkoll għall-aċċessibbiltà għas-servizzi mediċi fil-komunità permezz tal-wegħda elettorali li, sal-aħħar tal-leġiżlatura, ikun hemm berġa tas-saħħa f’kull lokalità. Dan anke fis-Siġġiewi hekk kif, b’rabta ma’ dan iċ-ċentru tas-saħħa, ix-xogħol qed javvanza sew.
Il-Prim Ministru rrimarka l-importanza li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Stqarr, “Bit-tisħiħ ta’ day community centres inkunu qed nagħtu għodda ġdida biex aktar anzjani jistgħu jgħixu fil-komunità tagħhom. Insemmi wkoll is-servizz tas-Silver-T, li bis-saħħa tiegħu qegħdin nagħtu aċċess lill-anzjani għas-servizzi li jkun meħtieġ għalihom. Inwasluhom fil-qadi tagħhom, ta’ kuljum, b’hekk niffaċilitaw biex aktar anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.”