Huma bosta l-Maltin li jikkumentaw dwar il-Malti u li jekk ma jkunux il-Maltin stess li jżommu l-lingwa tagħna ħajja u vibranti, din se tintilef. Dan kien kliem il-President ta’ Malta waqt serata mużiko-letterarja li saret b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva VersAgħtini, biex jitfakkar il-ħamsin sena anniversarju tal-Moviment Qawmien Letterarju.
Fid-diskors tagħha l-President sostniet li hija konvinta li hemm il-ħtieġa biex dak li għamlu ħamsin sena ilu l-fundaturi ta’ dan il-moviment, “inkomplu nsostnuh, għax il-lingwa tagħna ma tistax tintilef, tagħtina l-identità, aħna fejn aħna.”
Il-President Coleiro Preca ġabet l-eżempju taż-żjara tagħha fl-Awstralja ġimgħat ilu, fejn tkellmet dwar il-ħeġġa li għandhom il-Maltin u d-dixxendenti Maltin fl-Awstralja sabiex iżommu ħajja l-lingwa Maltija permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi f’diversi skejjel tal-lingwi u fiċ-ċentri tal-komunitajiet Maltin.
Il-President saħqet li “huwa d-dmir tagħna li bħal kif għamlu l-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju ħamsin sena ilu, inżommu l-lingwa Maltija ħajja u vibranti, lingwa li tidentifikana, lingwa li tassew tagħmilna kburin li aħna Maltin”.
Waqt din is-serata taw il-kontribut tagħhom numru ta’ poeti u awturi, fosthom Paul P. Borg, Charles Coleiro, Alfred Degabriele, Victor Fenech, Charles Flores, il-Professur Oliver Friggieri u l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.