Li taħt l-amministrazzjoni preżenti pajjiżna kien miexi ‘l quddiem ma’ kien hemm ebda dubju.
Iżda minkejja dan, jeżisti t-tħassib li l-ġid ma kienx qed jasal għand kulħadd.
Fil-Parlament il-Prim Ministru Joseph Muscat ma qgħadx lura milli jirrimarka kif dak għall-2017 huwa baġit soċjali.
Sostna li wara li l-Gvern stabilizza, kabbar u ħajjar iktar nies jaħdmu, kien wasal iż-żmien li jkun mgħejjun aktar minn qatt qabel min kien l-iktar fil-bżonn.
Dejjem se jibqa min jgħidlek li insejtu dak jew l-ieħor, sostna l-Prim Ministru, iżda dan huwa l-aktar bagit ta’ wealth redistribution u ġustizzja soċjali fl-istorja, li ma ħa lil ħadd u ta lil min hu l-aktar fil-bżonn. Il-ħsieb tal-Maltin huwa li dan kien ġust. Il-Prim Ministru fisser kien il-kritika dejjem tkun hemm u li hemm punti validi ta’ kritika li għamel l-Oppożizzjoni iżda hemm punti oħra li ma jistax jifimhom, kif Simon Busuttil jista’ jirreferi għal dan il-baġit bħala wieħed kożmetiku.
Il-Prim Ministru spjega li dawk li qegħdin fuq il-paga minima u li għandhom dħul baxx, qed igawdu mill-in-work benefits, għajnuna supplimentari u l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja.
Il-Prim Minsitru Joseph Muscat, għamel referenza għaż-żieda fil-minimum wage u appella lill-imsieħba soċjali biex ikomplu jiddiskutu il-possibilita ta’ din iż-żieda u li l-Gvern lest li jpoġġi madwar mejda u jisma’ dak li għandhom xi jgħidu. Huwa stqarr ukoll li jekk din iż-żieda ma jagħmiliex Gvern Laburista l-ebda Gvern ieħor m’hu se jagħmilha.
Dawn flimkien ma’ miżuri oħra se jwasslu biex iktar familji jgħixu aħjar.
Bħala eżempju semma lill-koppja żgħażagħ it-tnejn jaħdmu fabbrika fuq minimum wage, b’żewġt’itfal żgħar. Dawn ħadu żieda ta’ €564 fis-sena. Jekk kienu jieħdu sussidju fuq il-kera, u jekk kienu jieħdu €39, se jiżdiedilhom b’€2,028. Familja li b’kollox ħadet €2,592, u rat titjib ta’ 15% fid-dħul tagħhom. Minflok €100, se jibqalhom €115 fil-but. Din il-familja mhix intaxxata kif kienet qabel, meta fi żmien gvern ta’ qabel kienu jħallsu €224 taxxa.
U bħalma gawdew il-familji gawdew il-pensjonanti. Gvern ta’ qabel għolla l-bolla u żied l-età tal-pensjoni. Dan il-Gvern mhux se jżid la bolla u lanqas l-età tal-pensjoni. Anzi, neħħa t-taxxa minn fuq il-pensjoni, żied il-pensjonijiet u reġa’ ta żieda lill-dawk l-atar batuti li diġà ma jhallsux taxxa. Dawn diġa’ raw żieda s-sena l-oħra. Din is-sena dan qed jerġa’ jżid sa €9.62 fil-ġimgħa, jew €500 fis-sena.