Huma dawk il-ftit ċittadini li ma jikkuntentahom xejn u li dejjem iridu jsibu xi jmaqdru f’kulma jagħmel Gvern Laburista, li kkundannaw l-iskema ta’ vouchers tal-Gvern bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika minħabba l-imxija.
Qal dan l-editorjal tal-Independent, li rrapporta bi prominenza kif kienu biss il-kritiċi tas-soltu, li raw l-iskema tal-vouchers ta’ mitt ewro bħala mossa populista ntiża biss biex tirbaħ il-voti.
Żied jinnota li xi wħud tant riedu jmaqdru l-idea, li fuq il-midja soċjali ddikjaraw li m’għandhomx bżonn il-vouchers tal-Gvern u se jagħtuhom lil min hu fil-bżonn.
Iżda l-editorjal irrimarka li l-inizjattiva ġiet milqugħa bil-kbir mhux biss min-nies imma anki min-negozjanti, li mill-ewwel irrealizzaw li se tħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija.
L-iskema tal-vouchers għandha żewġ għanijiet – wieħed li tagħti l-assistenza finanzjarja fi żmien meta ħafna raw tnaqqis fil-paga, u t-tieni li sservi ta’ xprun għall-ekonomija li bdiet terġa’ tqum fuq saqajha bilmod wara l-għeluq tal-ajruport, ir-ristoranti u l-ħwienet fost l-oħrajn.
Iċ-ċifri li ngħataw il-ġimgħa l-oħra wrew l-effett pożittiv tal-iskema sa issa, speċjalment għax dawk li użaw il-vouchers, nefqu ferm iżjed minn buthom.
L-editorjal tal-Independent jgħid li dawn il-flus kienu injezzjoni kruċjali għall-intraprendituri, li esperjenzaw staġnar bla preċedent minħabba l-miżuri li ttieħdu biex tiġi kkontrollata l-imxija f’pajjiżna.
L-editorjal temm jgħid li hija xi ħaġa tajba li l-Gvern iddeċieda li jestendi d-data ta’ validità tal-iskema minn Settembru għall-aħħar t’Ottubru, hekk kif dan jagħti iktar żmien lill-konsumaturi biex jużaw il-vouchers li rċevew minflok jintremew.