Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-ġuri ta’ Bojan Cmelik li huwa mixli bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti.
Kien imiss li jixhdu tobba tal-emerġenza li spjegaw kif kellhom jaħdmu malajr kemm jista’ jkun biex isalvaw ħajjet Chetcuti li fl-istess lejl kien qala’ daqqa ta’ sikkina.
It-Tabib Jonathan Joslin spjega lill-ġurati li Chetcuti deher anzjuż u kien għadu jitkellem imma kien fi stat ta’ xokk qawwi u kien midrub serjament.
Saħansitra kellu pressjoni baxxa ħafna.
Hu spjega li Chetcuti kellu żewġ feriti; waħda minnhom forma tal-ittra Ċ li kienet twila madwar ċentimetru.
Tletin minuta wara l-każ, il-vittma ttieħed dritt lejn it-teatru wara li kien tilef żewġ litri ta’ demm.
Dr Josef Mifsud, tabib ieħor tal-emerġenza spjega li kieku Chetcuti kien f’qagħda iktar stabbli, kienu jagħmlulu CT scan iżda fil-kundizzjoni li kien, il-probabbilità kienet li kien imut waqt l-iscan.
Xehed ukoll il-kirurgu Ayman Mostafa li opera lil Hugo Chetcuti.
Hu kkonferma li l-vittma kien f’sitwazzjoni aktar sigura f’operazzjoni milli f’CT scan.
Hu spjega li għamillu l-punti viċin il-partijiet li minnhom kien qed joħroġ id-demm u qal li wara kwarta, ma baqax joħroġ demm u għaldaqstant, Chetcuti kien f’qagħda aktar stabbli.