Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo saħaq li l-qasam kollu tal-gvern lokali għandu jitmexxa fuq prattiċi tajba ta’ good governance, li jinkludu wkoll tmexxija finanzjarja għaqlija.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal dan waqt li kien qed jindirizza lis-Sindki u viċi-Sindki f’laqgħa f’Għawdex.
Huwa tenna li l-kunsilli lokali mhumiex xi dipartiment tal-Gvern u li huma awtonomi u distinti minkejja li joffru servizzi marbuta mal-gvern. “Iżda, tistennewx li l-Gvern Ċentrali jgħamlilkom kollox hu, ħudu l-inizjattivi intom,” qal huwa u jappella lill-kunsilli biex ikunu aktar kreattivi bir-riżorsi tagħhom, li qed jiżdiedu kull sena minkejja li fil-bidu tal-leġiżlatura kien hemm dejn ta’ €22miljun.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li flus il-poplu m’għandhomx ikunu sparpaljati, u rrefera għal nuqqasijiet bħal ħlas ta’ xogħol mingħajr irċevuti, xogħlijiet li saru mingħajr ma kien hemm ftehim fuqhom u kuntratti skaduti li ħarġu mill-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali. Huwa saħaq li mhuwiex ser jittollera aktar sitwazzjonijiet ta’ Kunsilli Lokali mifnija bid-djun u mingħajr ebda ħjiel ta’ kif se jagħmlu tajjeb għalih.
Filwaqt li fakkar fil-vokazzjoni soċjali tal-kunsilli lokali, is-Segretarju Parlamentari Buontempo tkellem dwar kif il-kunsilli għandhom ikunu involuti fi programmi ta’ reach out soċjali b’risq il-komunitajiet tagħhom.
Dr Buontempo tkellem dwar ir-rwol tal-kunsilliera u s-sindki li qegħdin hemmhekk sabiex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħhom u d-dmir tagħhom li jattendu għal-laqgħat tal-kunsill u dwar id-diversi inizjattivi li ħa dan il-gvern mill-bidu tal-leġiżlatura.
Ritratt: MGOZ – George Scerri