Jeħtieġ jinżamm momentum fl-Ewropa – hekk stqarr il-Minsitru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela meta tkellem dwar l-immigrazzjoni waqt laqgħa bejn ministri Ewropej fi Brussell.
Il-Ministru Abela għaraf il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija qed tnaqqas ftit mill-pressjoni li kienet qed issir fil-Lvant tal-Mediterran u fil-punent tal-pajjiżi Baltiċi.
Malta wriet solidarjetà billi appoġġjat dan il-ftehim. Loġistikament, pajjiżna bagħat persuni mħarrġa biex jgħinu fil-kriżi t’immigrazzjoni fil-Greċja. Iżda barra minn hekk Malta kontinwament qed tassisti ir-rilokazzjoni ta’ min ifittex l-ażil.
Iżda filwaqt li għaraf dan kollu, il-Ministru Abela nnota li fiċ-ċentru tal-Mediterran, l-immigrazzjoni rregolari reġgħat qabdet ċertu rittmu, u din teħtieġ tkun indirizzata bl-istess urġenza bħal ma’ ġiet indirizzata l-kriżi fil-Lvant tal-Mediterran tul din ix-xitwa. Qal li tul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill Ewropew, Malta se tkun qed tisħaq favur is-sostenibilità fil-mod li bih nitrattaw l-immigrazzjoni.