“Il-karattru tat-triq irrid inħallih, dan huwa ċentru ta’ divertiment, u dak l-element ta’ divertiment tal-massa, tal-bar, tal-folol, irid jibqa’,” qal dan id-Direttur Artistiku tal-kunċert Strada Stretta, Giuseppe Schembri Bonaci.
Qed nitkellmu fuq Strada Stretta; it-triq tal-midneb, it-triq fejn lura fiż-żmien kull min kien jgħix jew jaħdem fiha kien qed jaħrab minn xi ħadd jew minn xi ħaġa. Triq li hija sinonima mal-ispettaklu, is-sigrieti u karattri eċċentriċi.
Trejqa li llum il-ġurnata qed terġa’ ssir hub kulturali fil-Kapitali tagħna li qed terġa’ tingħata l-ħajja u tilqa’ saħansitra l-mijiet fi tmiem il-ġimgħa.
Tkellimna ma’ Giuseppe Schembri Bonaci, direttur artistiku tal-kunċett Strada Stretta li nħoloq mill-fondazzjoni Valletta elfejn u tmintax.
Saħaq magħna li issa li t-tmun tal-Kultura Ewropea daqt jingħadda lill-Belt, il-filosofija ta’ Strada Stretta għandha tinbidel u mhux tintrabat biss ma’ elementi nostalġiċi.