“Ċentru diġitali ġdid ser jittrasforma s-servizz pubbliku hekk kif ser joffri viżjoni, tmexxija, kordinazzjoni u ħeffa fid-deċiżjonijiet.”
Qal dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt seminar dwar it-trasformazzjoni diġitali u l-Intelliġenza artifiċjali.
Spjega li l-pass li jmiss huwa li jiġi offrut servizz ta’ eċċellenza fl-amministrazzjoni pubblika.
Dan filwaqt li jiġi sostnut l-investiment tal-Gvern ta’ madwar €40 miljun f’teknoloġiji ġodda għall-amministrazzjoni pubblika u li wassal lill-pajjiżna biex jikseb l-ewwel post fl-Ewropa għas-servizzi tal-e-government.
Fil-fatt wara l-introduzzjoni tas-servizzi governattivi 24 siegħa kuljum u l-istrateġija tal-Once Only Principle, is-Segretarju Permanenti qal l-ċ-ċentru diġitali li mistenni jitwaqqaf is-sena d-dieħla se joħloq sinerġija flimkien ma’ kultura u viżjoni ġdida lejn it-teknoloġija.
Is-Sur Cutajar stqarr: “Se jkun qed joffri l-opportunità li jikkordina x-xogħol kollu li qed isir u jagħti permanenza lil dak kollu li qed isir. Mhux biżżejjed li inti twettaq l-affarijiet imma jrid ikollok dawk l-istrutturi li permezz tagħhom dak li tkun biddilt jibqa’ hemmhekk biex jitgawda u jinbena iktar fuqu.”
Dwar l-intelliġenza artfiċjali, is-Sur Cutajar spjega li din għandha l-potenzjal li tbiddel għalkollox il-mod ta’ kif jingħataw is-servizzi pubbliċi. Qal li bħalissa s-servizzi pubbliċi jiġu aċċesati biss meta niġu bżonnhom.
“L-AI ser tkun l-opportunità li permezz tagħha s-servizzi pubbliċi jagħtu ferm iktar minn hekk. Jiġifieri li inti s-servizzi pubbliċi jkunu qed jiggwidawk iktar milli taċċessaħhom biss meta tiġi bżonnhom”, sostna s-Sur Cutajar.
Madankollu sostna li hemm bżonn iktar studju u kuxjenza dwar ir-responsabbiltà u l-etika li hemm bżonn meta nużaw din l-għodda tant avvanzata.
B’hekk f’dinja fejn kulma jmur qed noqorbu lejn din it-teknoloġija l-pajjiż dejjem ikun imħejji bil-quddiem sabiex jieħu vantaġġ minn din it-teknoloġija.