Il-Kummentatur politiku Simon Mercieca kiteb li wieħed mill-membri tal-Kummissjoni etika tal-Partit Nazzjonalista, li għarbel l-aġir ta’ Jason Azzopardi li ammetta li ħa rigal m’għand il-grupp ta’ Yorgen Fenech, huwa ħabib intimu tal-istess Azzopardi.
Il-membru inkwistjoni f’din il-Kummissjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u allura mhux indipendenti, huwa Arthur Galea Salamone.
Mercieca kiteb kif fuq kollox, il-kumpanija ta’ ħu Arthur Galea Salamone, Victor Galea Salamone, ġieli tat rigali b’xejn lil Jason Azzopardi biex jagħmilhom lotterija waqt l-attivitajiet politiċi li l-istess Jason Azzopardi kien jorganizza.
Dan ifisser li ħu membru tal-Kummissjoni Etika li tat twiddiba biss u ma ħadet l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi meta ħa kamra b’xejn f’lukanda lussuża f’Tel Aviv mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, kien wieħed minn dawk li ta rigali lil Jason Azzopardi.
Arthur Galea Salamone ma rrikużax ruħu dwar dan iżda Jason Azzopardi u David Thake talbu lil Jean Karl Soler biex jirrikuża ruħu.
Fil-fatt qabel eżatt beda s-smigħ tal-każ, Jason Azzopardi mal-ewwel ried itajjar lil Jean Karl Soler, wieħed minn ħames membri f’din il-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista.
Jean Karl Soler huwa magħruf li hu tal-fazzjoni Adrian Delia u allura kien maħsub li kien se jagħti tumakka lil Jason Azzopardi biex iġibu f’postu ta’ kemm ħadem kontra Delia u għen bi sħiħ biex jitwarrab Delia u Bernard Grech isir Kap.
Dwar dan, anki David Thake xehed fuq dan l-istess suġġett u hu maħsub li ġibed l-istess ħabel t’Azzopardi li ħadu miegħu bħal parrinu.
Soler tant kemm ma qabilx mad-deċiżjoni li jirrikuża ruħu u b’hekk ma jkunx parti mid-deċiżjoni dwar Jason Azzopardi, li qabel ma ħareġ mill-kamra fejn kien se jsir is-smigħ, Soler iddikjara li fil-fehma tiegħu ma kienx hemm raġuni valida biex jirrikuża ruħu.
Dan isostnih ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Etika stess.
Sa sena ilu, Soler kien wieħed minn dawk li joħroġ għonqu għal Adrian Delia tant li fuq it-Times kiteb artiklu u attakka lil dawk id-deputati u nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li riedu jtajru lil Delia.
Fost in-nies li kien attakka kien hemm Jason Azzopardi.