Brażiljan li rnexxilu jaħrab mill-ħabs tal-belt Manaus qed jitfa’ ritratti tiegħu fuq Facebook, jiftaħar bil-fatt li rnexxilu jaħrab.
Brayan Bremer, li qed jiskonta sentenza wara li nstab ħati li seraq, jidher fost ħafna ħaxix, jagħmel sinjal b’subajgħ li jindika li kollok sewwa. Huwa kien attiv fuq Facebook waqt li kien il-ħabs, minkejja li dan huwa projbit. Ritratti oħra juruh bi flokk tal-Bayern Munish, miksi bit-tajn, qrib kriminal ieħor, bil-kliem “qed niġru wara li ħrabna mil-ħabs”. F’ritratti oħra jidher jiekol il-frott.
Qribu f’uħud mir-ritratti hemm persuna oħra li ħarbet mill-ħabs, però li nqabdet mill-Pulizija. Kienu xejn inqas minn 72 dawk li rnexxilhom jaħarbu minn żewġ ħabsijiet fl-istess belt, il-Ħadd li għadda.
Ftit sigħat wara, 112 priġunier ieħor ħarab mill-ħabs Anisio Jobim, li jinsab qrib. Dan fost rewwixta li ħalliet mill-inqas 56 mejta.