F’April li għadda, il-Kunsill Lokali tan-Nadur ta offerta lill-kumpanija Said Construction għall-kiri ta’ vann jew trakk.
Filwaqt li qabel dawn it-tip ta’ xogħlijiet kienu jingħataw b’ordni diretta, din id-darba nħarġet sejħa għall-offerti, u l-kumpanija Said Construction irriżulta li kellha l-orħos offerta.
Id-diretturi ta’ din il- kumpanija kienu Josef Said u Peter Paul Said, it-tnejn li huma ħut l-eks-Ministru Chris Said. Is-Sindku tar-raħal huwa Edward Said –ħuhom ieħor.
Minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta KullĦadd jirriżulta fatt kurjuż ħafna: din il-kumpanija ilha xolta mill-2009, tant li l-istatus tagħha huwa mniżżel bħala‘struckoff’ mir-reġistru tal-kumpaniji tal- MFSA.
Għalhekk huwa misteru liema bħalu kif jista’ jkun li kumpanija xolta -2009 rebħet tender f’April tal-2016.
Xħin rajna l-iskeda ta’ pagamenti ta’ bejn Marzu u April li għadda s-sit elettroniku tal-Kunsill, innutajna fatti oħra interessanti.
Pagament minnhom lil Peter Paul Said jitkellem dwar il-kiri ta’ vann għal xogħlijiet li kellhom isiru bejn l-ewwel tliet xhur tas-sena. Minkejja li dan il-kuntratt suppost ingħata b’tender, it-tender ta’ kiri ta’ vann intrebaħ nhar it-12 t’April li għadda; ċojè wara li x-xogħol inkwistjoni seħħ, bejn Jannar u Marzu.
Pagament ieħor jinteressana għax jitkellem dwar il-kiri ta’ vann. Iżda minn flok ġie mogħti lil Said Construction Limited, ingħata lil Peter Paul Said – u bilfors, għax ma setgħux isiru pagamenti lil Said Construction bħala kumpanija li ma teżistix.
Minbarra b’rabta mal-kumpanija fantażma li rebbħitu tenders, żvelajna aktar dwar Peter Paul Said. Għedna li ħa 139 biċċa xogħol mill-Kunsill Lokali tan-Nadur, li swew xejn inqas minn €117,457.54. Fl-istess ħin li kien għaddej dan kollu, it-tmexxija tal-Kunsill Lokali tan-Nadur irrifjutat li twaqqaf kumitat tal-finanzi kif titlob il-liġi.